Il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Unjoni Ewropea għalaq żewġ proċeduri oħra ta’ ksur ta’ regolamenti kontra Malta, li jżid in-numru ta’ proċeduri ta’ ksur ta’ regolamenti magħluqa din is-sena għal disgħa. Id-deċiżjoni formali ttieħdet illum mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, wara li kienu sodisfatti bil-progress ta’ Malta fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Waħda miż-żewġ proċeduri ta’ ksur nfetħet f’Novembru 2010, wara li l-Kummissjoni Ewropea sostniet li Malta naqset milli tapplika r-regolamenti fir-rigward ta’ persuni li jirċievu pensjoni Maltija mis-sistema tas-sigurtà soċjali statutorja u pensjoni tas-servizz ċivili minn Stat Membru ieħor tal-UE. Madankollu, sussegwentament għal argumenti mressqa minn Malta, l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ċaħdet għal kollox ir-rikors tal-Kummissjoni u għalqet il-proċedura ta’ ksur, minħabba li ma kienx hemm ksur tar-regoli tal-UE kif sostniet inizjalment l-Kummissjoni.
It-tieni proċedura ta’ ksur dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi ta’ eżaminaturi tas-sewqan infetħet f’Ottubru 2015. Il-Kummissjoni fetħet dan il-ksur wara li eżaminat il-miżuri ta’ traspożizzjoni u staqsiet dwar kif l-awtoritajiet Maltin jiżguraw kwalità u jorganizzaw l-arranġamenti ta’ taħriġ perjodiku.
L-awtoritajiet Maltin ipprovdew lill-Kummissjoni programm ta’ taħriġ aġġornat, b’testijiet uffiċjali li l-eżaminaturi tas-sewqan jagħmlu, flimkien ma’ assigurazzjoni ta’ kwalità u l-arranġamenti ta’ taħriġ perjodiku. Il-Kummissjoni Ewropea kienet sodisfatta bil-miżuri meħuda minn Malta u b’hekk għalqet dan il-ksur.
Kelliem għall-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru qal li skont l-aħħar dokument tal-Kummissjoni “Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Liġi tal-Unjoni – rapport tal-2014” – Malta kellha t-tieni l-ogħla rata ta’ riżoluzzjoni tal-Pilota EU (88%), u ġiet il-ħames fl-aħjar ħin ta’ tweġiba flimkien mad-Danimarka u l-Ungerija (65-il jum). Malta kellha biss 16-il proċedura ta’ ksur ġdida miftuħa kontriha (ir-raba’ madwar l-UE), it-tielet l-aħjar numru ta’ każijiet ta’ ksur miftuħin (18 każ), u l-anqas numru ta’ traspożizzjonijiet tard tad-Direttivi tal-UE (5 każijiet).
F’kumment dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Ewropej Louis Grech qal li filwaqt li l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE hija essenzjali, sabiex l-UE tasal biex tilħaq l-għanijiet tagħha, l-Gvern Malti jemmen ukoll li għandu d-dmir li jsaħħaħ l-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE f’għajnejn iċ-ċittadini Maltin u l-pubbliku inġenerali. “Inqas ma jkollna ksur, u iktar ma nagħlqu malajr każi ta’ ksur, il-fidi taċ-ċittadini tagħna fil-proġett Ewropew se jkun ikbar”, qal Grech.