Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li meta l-gvern Malti estenda l-garanzija bankarja għall-proġett tal-power station tal-gass f’Dellimara ma kien qed jikser ebda regoli Ewropej.
Dan joħroġ minn tweġiba li l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-kompetizzjoni, Margrethe Vestager, tat lill-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech.
Dan wara mistoqsija li għamel l-MEP bħala parti mill-isforzi ma jaqtgħu xejn biex tinġieb kundanna lejn il-gvern Malti minn xi istituzzjoni Ewropea.
Bil-miktub, Zammit Dimech qal lil Vestager li “rapporti fil-midja żvelaw li l-Gvern ta’ Malta, lejlet l-elezzjoni ġenerali, estenda b’mod sigriet garanzija ta’ self mill-Istat ta’ €360 miljun għal impjant tal-enerġija ġdid.”TalaBha tgħid jekk il-Kummissjoni Ewropea kinetx infurmata b’dan u jekk taħsibx li din l-estensjoni hija konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Jirriżulta li Vestager wieġbet li ma kien hemm ebda diffikulta’ bil-fatt li l-garanzija kienet estiża.
“Il-Kummissjoni kienet taf bil-garanzija temporanja tas-self meta hija evalwat il-kompatibbiltà tal-proġett ta’ Delimara mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Din il-garanzija kienet maħsuba biex jiġi kopert il-perijodu sakemm tkun ġiet stabbilita soluzzjoni definittiva ta’ finanzjament għall-proġett,” qalet il-Kummissarju li żied li l-estensjoni ta’ din il-garanzija temporanja tas-self ma bidlet xejn
Iktar minn hekk, f’Diċembru li għadda l-Gvern irtira uffiċjalment il-garanzija bankarja u kien iffirmat il-ftehim dwar is-sigurtà tal-provvista bejn l-Electrogas, l-Enemalta u l-Gvern. Dan wara li l-konsorzju Electrogas laħaq ftehim ma’ disa’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar fosthom il-Franċiżi Societe Generale, il-BNP Paribas u l-Credit Industriel et Commercial u l-bank Ġermaniż KfW IPEX biex jagħmlu tajjeb għal 80% tal-proġett li sewa 550 miljun ewro.
Dan ifisser li llum il-proġett huwa ffinanzjat għal kollox mill-kumpanija Electrogas.
Din mhux l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea tat il-barka tagħha għal mod kif tmexxew l-affarijiet f’dan il-proġett. Saħansitra urtat b’dan Simon Busuttil, l-eks kap tal-oppożizzjoni, kien daħal f’batibekk m al-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jena Claude Juncker, fil-parlament malti.