Il-Kummissjoni Ewropea tinsab pożittiva dwar il-passi li qed jieħu pajjizna dwar l-ambjent, partikolarment fejn jidħol it-tnaqqis u r-riciklaġġ tal-iskart.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella spjega kif il-Kummissjoni Ewropea qed tinnota pożittivament il-ħidma ta’ pajjiżna f’dan l-aspett, fosthom is-separazzjoni tal-iskart organiku, l-iskema ta’ rifużjoni fuq il-fliexken tal-plastik.
Innota li iktar minn hekk, hemm ir-rieda tajba u l-impenn tal-awtoritajiet Maltin biex f’dan l-aspett, f’pajjiżna verament isseħħ il-bidla skont il-miri Ewropej.
Din l-istess konferenza kellha t-tema Virtuous Circle, u kienet imtella’ mill-Kummissjoni Ewropea u l-Ministeru tal-Ambjent f’pajjiżna. Din ġabet flimkien numru ta’ esperti Ewropej u rappreentanti minn għadd ta’ industriji, u mill-Gvern. Dan biex ikun hemm qsim ta’ informazzjoni fuq l-aqwa prattiċi fejn jidħol l-iskart.
Il-Kummissarju Ewropew Vella spjega kif Malta għandha ġenerazzjoni ta’ skart muniċipali ogħla mill-medja Ewropea, li hija ta’ 621kg fis-sena għal kull persuna f’Malta, meta mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 483kg.
Dan b’rata ta’ riciklaġġ li hemm bżonn titla’, u rata ta’ skart fil-landfill li għandha tinżel.
Għaldaqstant spjeġa li għalkemm f’xi aspetti Malta għandha fejn ittejjeb, innota li dawn huma opportunitajiet li pajjiżna jista’ jisfrutta, anke fid-dawl tal-impenn li qiegħed juri.