Fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif tal-Kulleġġ Gian Franġisk Abela, tnedew seba’ mitt munita tal-fidda kommemorattivi bil-faċċata ta’ din l-istituzzjoni edukattiva mnaqqxa fuqhom.
Waqt it-tnedija ta’ dawn il-muniti, il-Prinċipal tal-Junior College stqarr li mit-twaqqif tagħha, din l-istituzzjoni baqgħet tissaħħaħ fl-istatura u r-reputazzjoni tagħha.
Huwa sostna wkoll li dan il-kulleġġ mhux talli baqa’ relevanti tul iż-żmien minkejja d-diversi istituzzjonijiet oħra, iżda huwa l-għażla naturali ta’ eluf ta’ studenti.
Qal li dan kien possibbli permezz tat-tagħlim varjat li joffri dan il-kulleġġ.
Is-Sur Paul Xuereb qal, “Bqajna l-ikbar istituzzjoni fil-pajjiż minkejja, u kuntent li hawn ħafna minn fejn jagħżlu l-istudenti u tajjeb li jkun hekk, imma l-istudenti jagħrfu wkoll li aħna nagħtu edukazzjoni ta’ kwalità li mhix biss iffukata fuq l-aspett akkademiku imma naraw ukoll il-formazzjoni sħiħa tal-persuna. Dik hija importanti għalina li l-persuna fiż-żmien li tagħmel magħna tikber b’modi varji u aħna nagħtu l-attenzjoni, kif qed ngħid lil kull student, minkejja li aħna istituzzjoni kbira, nagħtu ħafna attenzjoni lill-istudenti individwali.”
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università Alfred J Vella stqarr li dan il-kulleġġ jagħti ferm iktar mill-edukazzjoni akkademika. Fil-fatt huwa stqarr li dak li jesperjenzaw fil-Junior College l-istudenti jista’ jimmarka lill-istudenti għall-kumplament ta’ ħajjithom.