Il-konklużjonijiet tal-inkjesta li eżonerat lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lis-Sinjura tiegħu, mill-iċken rabta mal-kumpannija Egrant, tpoġġi fl-iżbarra l-establishment ta’ pajjiżna.
Kellha tkun inkjesta metikoluża u xjentifika, li rnexxielha tikxef u fl-istess ħin iġġarraf u tumilja l-establishment, li għal għexieren ta’ snin imponiet ‘sistema’ fuq dan il-pajjiż tagħna, fejn ħadd – ħlief l-establishment – kellha d-dritt sagrosant li jkollha f’idejha l-aktar ħaġa mportanti għaliha: il-poter!
F’pajjiż ċkejken bħal tagħna, hu faċli li tinfluwenza, u bis-saħħa tal-kollużjoni ta’ frazzjoni minn kull istituzzjoni, reliġjuza, politika u mhux, tinħoloq ‘sistema’ li permezz tagħha, xirka ta’ nies kapaċi joħolmu, jiddisinjaw u jwettqu pjan strateġiku – daqskemm djaboliku – biex jinkiseb il-poter permezz ta’ konfoffi artikolati.
Il-frame-up kriminali li sar fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu permezz tal-gidba dwar il-kumpannija ‘Egrant’ ma skantatni xejn. Għaliex fostna jeżistu mħuħ daqstant djaboliċi, fejn għall-flus u l-poter, jagħmlu minn kollox.
Lejliet l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008, minkejja li l-PN fil-Gvern – dakinhar mmexxi minn Lawrence Gonzi – kien f’agunija, kellha tkun biss kumbinazzjoni li kixfet skandlu enormi ta’ korruzzjoni, li minnha kienet qed tiekol l-establishment, u minnha kien qed jiekol ukoll sa ċertu punt l-istess PN.
Qed nitkellem dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt, għaliex dejjem emmint li s-‘sistema’ għandha l-għeruq tagħha minn dan l-iskandlu, li fl-istess ħin toffri ħjiel tal-imħuħ u l-istrateġiji djaboliċi tagħhom biex huma, u huma biss ikollhom il-poter.
Qabel ma niġi għall-punt tiegħi, nagħmilha ċara li l-każ dwar il-korruzzjoni fix-xiri taż-żejt, li minħabba fiha aħna lkoll bagħtejna l-kontijiet eżaġerati tad-dawl u l-ilma għal bosta snin, inkixef biss grazzi għal diżgwid li nqala bejn familja li kienet mhux biss rappreżentanta ta’ kumpannija taż-żejt, iżda wkoll benefattriċi tal-PN u ta’ ċerti ‘potenti’ fil-PN.
U l-aqwa eżempju tal-ardir u n-nuqqas ta’ skruplu li jixxokkja f’din l-istorja kollha, għalija ma kienux il-miljuni kbar misruqa minn ħalq kull wieħed u waħda minna, iżda l-fatt li l-moħħ wara l-każ kien wasal biex saħansitra ammetta mal-Pulizija li kienet qed tinterrogah dwar sejba ta’ ammont ta’ flus f’kont fl-Isvizzera, bħala flus li kien ‘seraq’ minn kexxun fid-dar ta’ ommu li kienet għadha kif mietet – u bil-moħbi minn ħutu – u ħadhom ghalih.
Jekk din il-persuna waslet sa tant, minkejja l-miljuni li kienet qed taqla bin-negozju privat tagħha, riedet tisraq ukoll lill-ommu mejta, tistgħu tobsru kif għal dawn in-nies ma’ jista’ jkun hemm xejn li jżommhom minn xejn, basta jieħdu dak li jridu.
Hekk taħdem is-‘sistema’ – konfoffa ta’ nies minn setturi differenti li jghixu biss ghall-poter.
Bl-istess mod sfaċċat, din is-‘sistema’ tal-establishment f’pajjiżna ħoloqot il-gidba Egrant u wżat is-saħħa kollha tagħha biex tasal tgħeleb lil Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu mit-tmexxija tal-pajjiż.
Kulma kien jeħtieġ, kienet persuna li tibda ‘gidba opportuna’ u jirkbu fuqha. Maria Efimova, persuna li serqet mill-bank fejn kienet qed taħdem u li ħolqot diversiv eċċellenti b’diċċerija dwar dokument ta’ Trust bl-isem biss ‘Muscat’ miktub fuqha, u merfugħ ġo safe fil-kċina tal-bank Pilatus, u l-gidba ssir fatt.
Anki jekk fil-bidu t-teorija kienet emmnuta, iżda għadda ż-żmien u kien hem mumenti frekwenti fejn id-dubji dwar l-awtentiċità ta’ kliem Efimova kienu kbar, xorta waħda baqgħu jelaboraw u jgħattulha. Basta li jtajjru lil Joseph Muscat.
L-ex Spettur Jonathan Ferris li kien prosekutur fil-każ kriminali kontra Efimova, kien ilu jgħid li l-persuna mhix affidabbli tant li anki gidbet fuqu.
U jekk kien jgħid hekk, għaliex Jason Azzopardi ddefendih bħala l-avukat tiegħu,u fl-istess waqt imur jippontifika ma’ David Casa barra l-pajjiż dwar Efimova u l-istorja tagħha?
Azzopardi u Casa kienu jafu mingħand Jonathan Ferris li kienu qed jilgħabu man-nar, u xorta baqgħu għaddejjin jamplifikaw il-gidba u jxerrduha mal-erbat’ irjieħ tad-dinja.
Fl-istess hin anki Daphne Caruana Galizia, li ħarġet bl-istorja tal-Egrant, żgur li ndunat bil-ħrafa meta saħansitra nħolqu nkonsistenzi fix-xhieda kemm tagħha u ta’ Efimova dwar min qal xiex lil min.
Insomma ħallata ballata, li minkejja l-ingredjenti kollha li kienu jindikaw lill-istess nies li xerrduha li kienu qed iqandlu gidba li kisbet momentum kolossali, użaw il-forzi kollha tal-establishment li involviet eventwalment il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, xhieda falza u taħwid liema bħalu.
Gidba li rikeb fuqha Simon Busuttil, wassal lill-pajjiż f’inċertezza politika u pperikola l-ekonomija.
Uża l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN biex iniżżel lin-nies fit-toroq, ġab lill-media internazzjonali biex isegwu dak li fisser bhala ‘għadab’ tal-poplu kontra l-gvern korrott.
Inosmma, konfoffa perfetta ta’ xirka ta’ nies li waslu biex ittantaw jirbħu elezzjoni akkost ta’ kollox.
U din l-inkjesta – anki jekk hi stmata li swiet aktar minn tlett miljuni – serviet biex xejjnet u kixfet is-sistema tal-establishment, li nvolviet sa ċertu punt anki lill-Knisja, permezz tal-atitudni tagħha fuq il-mezzi tax-xandir u l-pulpti.
L-establishment riedet il-poter, u li treġġa lura l-pajjiż għall-istatus quo u tabolixxi d-drittijiet ċivili ntrodotti minn Joseph Muscat. Le għad-divorzju, le għaż-żwieġ indaqs, le għal kollox.
L-establishment ħadmet is-sistema biex twaqqaf dan kollu.
Meta Caruana Galizia kitbet li kien hemm il-kriminali kull fejn tħares, nemmen li kienet ndunat li Efimova kienet daħlitha fi problema liema bħalha.