Fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tas-Solidarjetà Interġenerazzjonali, il-Veterani Laburisti jixtiequ jqajjmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li s-setturi kollha tas-soċjetà jkunu għalenija fl-isforz kollettiv tagħhom għall-benesseri u s-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni ta’ kull età.
Solidarjetà interġenerazzjonali tfisser ferm aktar minn ġesti simboliċi ta’ tfal jew żgħażagħ li jiltaqgħu ma’ anzjani f’okkażjonijiet speċjali. Tfisser il-ħolqien ta’ ekonomija li twieżen, flimkien ma’ politika ta’ ambjent soċjali li jrawwem b’mod naturali l-għixien flimkien u l-koperazzjoni fost il-persuni ta’ kull età fil-ħajja ta’ kull jum. Tfisser ukoll għarfien tal-valur li għandu jingħata lill-kontribut ta’ kull faxx ta’ età fis-soċjetà.
Huwa għalhekk li b’sodizfazzjon kbir il-Veterani Laburisti jinnutaw l-ħidma parlmentari tal-Gvern favur l-Ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, filwaqt li jħeġġu lir-rappreżentanti tal-poplu sabiex jippromulgaw l-istrumenti legali tant importanti kif proposti fil-Manifest Elettorali, bħal ma huma dawk dwar l-Awtonomija u tal-Ħarsien ta’ Adulti Vulnerabbli.
Il-Veterani Laburisti jinnutaw ukoll b’sodisfazzjon il-miżuri favur il-benesseri tal-persuni ta’ kull età fil-programm tal-Gvern Laburista ġdid kif espressi fil-Manifest Elettorali. Dawn il-miżuri jinkludu l-ħolqien ta’ programmi edukattivi interġenerazzjonali li jħeġġu persuni ta’ etajiet differenti jitgħallmu flimkien u jgħallmu lil xulxin.