Il-Jum Dinji tal-Parkinson huwa osservat kull sena nhar il-11 t’April bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-marda tal-Parkinson, kundizzjoni newroloġika progressiva li taffetwa l-moviment, id-diskors u l-kwalità tal-ħajja. Intgħażel dan il-jum għax kien propju fil-11 t’April li twieled Dr James Parkinson li kien l-ewwel persuna li ddeskriva l-marda fl-1817.
Il-marda tal-Parkinson taffetwa aktar minn 10 miljun ruħ madwar id-dinja u filwaqt li ħafna drabi hija assoċjata ma’ rogħda, is-sintomi jistgħu jinkludu ebusija, tnaqqis fil-moviment, dipressjoni u bidliet konjuttivi.
Minkejja li hija t-tieni l-aktar marda newrodeġenerrativa komuni wara l-Alzheimer, il-Parkinson għad m’għandiex biżżejjed għarfien u għalhekk ħafna draba dan iwassal għal ċertu stigma u dewmien fid-dijanjosi.
L-iskop tal-Jum Dinji tal-Parkinson mhuwiex biess wieħed edukattiv, iżda dwar il-perċessjoni fil-komunità, l-appoġġ u t-tama. Madwar id-dinja, assoċjazzjonijiet, professjonisti fil-qasam tas-saħħa u individwi affettwati mill-Parkinson jingħaqdu flimkien biex jaqsmu stejjer, jippromwovu r-riċerka u jimmilitaw favur aktar għażliet u riżorsi aħjar ta’ trattament. F’dan il-jum jintlibes ukoll it-tulipan aħmar, simbolu internazzjonali tal-għarfien tal-Parkinson.
Kull sena ġġib magħha tkabbir fir-riċerka, inkluż avvanzi promettenti fit-terapija, trattamenti newroprotettivi u metodi ta’ dijanjosi bikrija, iżda xorta waħda għad m’hemm l-ebda kura. Għalhekk dan il-jum ta’ għarfien huwa meqjus bħala importanti u vitali sabiex id-diskussjoni tibqa’ dejjem ħajja.
Billi wieħed jiffoka fuq din il-marda, tista’ titkisser l-istigma u ninkoraġġixxu interventi aktar bikrija sabiex tkun aċċellerata t-triq għall-kura.
Għalhekk f’dan il-jum wieħed għandu jingħaqad għal aktar għarfien, għax-xjenza u għal kull persuna fid-dinja li qed issofri minn din il-marda kiefra.