Illum huwa l-Jum Dinji tal-Ħsieb, li qabel kien Jum tal-Ħsieb, u li jiġi ċċelebrat kull sena fit-22 ta’ Frar mill-Guides u l-Iscouts kollha tad-dinja nkluż f’pajjiżna. Huwa jum meta dawn l-assoċjazzjonijiet jaħsbu dwar ħuthom fil-pajjiżi kollha tad-dinja, il-veru tifsira tal-Guiding, u l-impatt li jħalli fuq id-dinja.
Il-Girl Guides u l-iScouts jużawha bħala opportunità biex jistudjaw u japprezzaw pajjiżi u kulturi oħra, u bl-istess mod iżidu l-għarfien u s-sensittività dwar suġġetti li huma attwali u anke ta’ tħassib attwalment. Id-donazzjonijiet li jinġabru bħal-lum imorru għall-proġetti li jsiru mill-iscouts u l-guides madwar id-dinja.
Ġie magħżul it-22 ta’ Frar peress li kien għeluq snin il-fundaturi tal-iScouts u anke tal-Guides; Lord Robert Baden-Powell u Lady Olave Baden-Powell, martu li nzerta kien jaħbat flimkien.
Fuq il-livell lokali, l-avveniment kultant jinżamm fil-weekend l-aktar qrib jew f’data oħra konvenjenti imma jidher li gruppi ta’ scouts u anke guides Maltin għandhom attivitajiet li se jsiru llejla stess.
Tajjeb li ngħidu li f’pajjiżna, l-Iscouts bdew eżatt sena wara li twaqqfu fl-Ingilterra jiġifieri fl-1908. Dan il-fatt jagħmel l-iscouts f’pajjiżna minn tal-bidu li twaqqfu fid-dinja.