L-Istaġun tal-Ibburdjar 2025 tar-Royal Malta Yacht Club beda matul tmiem il-ġimgħa bl-Double Handed Round Comino Race.
Taħt id-direzzjoni tar -Race Officer Mark Napier, il-flotta ħadet sehem f’tellieqa f’kundizzjonijiet ħfief li ddominaw il-maġġoranza tal-ġurnata. Bir-riħ kważi wieqaf kompletament lejn San Pawl il-Baħar diversi jottijiet sabuha diffiċli biex jimxu l-quddiem, iżda l-kundizzjonijiet tjiebu kmieni wara nofsinhar meta r-riħ mill-Punent daħal viċin L-Aħrax, Mellieħa.
Brian Flahive u Fabio Galea abbord Juniper kisbu l-ewwel rebħa tagħhom għas-sena. Jikkummenta fuq it-tellieqa, Flahive qal: “Kien diffiċli nżommu l-Juniper timxi f’ċerti mumenti. Il-flotta nqasmet f’żewġ direzzjonijiet—xi wħud baqgħu qrib l-art, filwaqt li oħrajn marru barra, iżda sal-Mellieħa, il-flotta ngħaqdet mill-ġdid. Kellna ġirja sabiħa bil-spinnaker wara Kemmuna, u b’naqra riħ fil-port irnexxielna nagħmlu progress tajjeb sal-linja finali.”
Il-ġlieda għat-tieni u t-tielet post kienet wirja tassew ta’strateġija b’Lartista (Anton Calleja/Renato Camilleri) u Vivace (Andrew Agius Delicata/Kevin Anastasi) jtellqu mill-qrib flimkien. Calleja rrimarka: “Għalkemm bdejna nibżgħu li se jkollna tellieqa twila ħafna, fil-verità kienet esperjenza sabiħa. L-istrateġija tagħna biex nibqgħu qrib Vivace kienet waħda tajba w ksibna t-tieni post.” Agius Delicata, min-naħa tiegħu, iddeskriva l-fini bħala “battalja eċċitanti u mimlija tensjoni li ddeċidiet it-tieni u t-tielet post.”
L-avveniment li jmiss tar-Royal Malta Yacht Club se jkun it-Thomas Smith Triple Handed Night Race, li se jsir nhar is-Sibt, 15 ta’ Frar.