Il-Fully Crewed Figure of 8 Race, ospitata mir-Royal Malta Yacht Club nhar is-Sibt li għadda, tat sfida b’saħħita hekk kif il-flotta ltaqat ma’ kundizzjonijiet ta’ riħ eċċezzjonalment ħfief. Diversi dgħajjes irtiraw kmieni dawn il-kundizzjonijiet.
Taħt id-direzzjoni tal-Uffiċjal tat-Tlielaq Michelle Caruana, il-flotta ħarġet mill-Port ta’ Marsamxett fuq korsa ta’ 55 mil nawtiku. Ir-rotta ħadithom lejn in-nofsinhar ta’ Malta, madwar Filfla u Kemmuna qabel ma rritornaw lura fir-Royal Malta Yacht Club.
JYS Jan, taħt it-tmexxija ta’ Claudio Bugeja, kellha bidu b’saħħita u kienet fost dawk ta’ quddiem fil-bidu tat-tellieqa. Madankollu, 20 mil il-barra hi tilfet ftit pożizzjonijiet. Wara l-gżira ta’ Filfla, l-ekwipaġġ żagħżugħ reġa mexa l-quddiiem minkejja li l-irjieħ saru eħfef u aktar imprevedibbli.
Sat-8 p.m., ir-riħ kien kważi sparixxa, u wassal biex diversi dgħajjes jirtiraw. Madankollu, dawk li perseveraw ġew ippremjati għall-ħabta tal-10 ta’filgħaxija meta fl-aħħar t-temp beda jimtela bir-riħ. It-tliet dgħajjes li kien fadal – Dimm (Kevin Pisani Zammit) , Miame Too (Ralph Landwehr), u JYS Jan – impenjaw ruħhom f’kompetizzjoni mill-qrib, u kontinwament biddlu l-pożizzjonijiet matul il-lejl.
Mat-tlugħ ix-xemx, it-tliet dgħajjes baqgħu miġbura ħdejn xulxin hekk kif laħqu l-kosta tal-Lvant ta’ Malta, fejn kienu għadhom jiġġieldu għall-vantaġġ. Miame Too ta’ Ralph Landwehr kien l-ewwel li spiċċa t-tellieqa, segwit mill-qrib minn Dimm u JYS Jan. Wara li ġew applikati l-korrezzjonijiet tal-ħin, Dimm ħareġ bħala r-rebbieħ ġenerali. JYS Jan u Miame Too spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
“Il-kundizzjonijiet kienu iebsa, bi ftit riħ, li wassal biex ħafna dgħajjes jirtiraw. Iżda d-determinazzjoni tagħna tat il-frott. Wara 25 siegħa eżawrjenti, spiċċajna t-tellieqa u ksibna l-ewwel post overall. ” qal Kevin Pisani Zammit (Dimm). “Din ir-rebħa hija xhieda tal-ħidmainkredibbli u r-reżiljenza tal-ekwipaġġ tagħna. Ninsabu kuntenti ħafna b’din ir-rebħa.”
L-ekwipaġġ ta’Dimm kien magħmul minn Kevin Pisani Zammit, Andrew Abela, Andrew Calleja, Liam Grech, Luca Agius, u Julian Catania.
Minkejja li tilef l-ewwel post b’16-il minuta, Claudio Bugeja, skipper ta’ JYS Jan, kien soddisfatt bir-riżultat. “Kienet eċċitanti li jkollok tlielaq daqshekk mill-qrib wara tant siegħat,” huwa qal, filwaqt li qabel mal-kumment ta ‘Dimm dwar il-perseveranza tal-ekwipaġġi.
Notevolment, it-Tim tat-Tmexxija tat-Tlielaq, kien jikkonsisti minn tim kollu femminili – Michelle Caruana, Karina Galicka, Neity Maddock. u Moira Paitoni – tenfasizza aktar id-diversità u l-inklussività fi ħdan l-isport.
(Photo Credit: RMYC / Edward Flores)