Fil-jiem ta’ Santa Marija, kienu aktar minn tlieta u sebgħin elf persuna li qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel, li jfisser żieda ta’ aktar minn elf persuna mis-sena li għaddiet.
Skont ċifri li kiseb ONE News, anki n-numru ta’ vetturi li telgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel bejn il-11 u l-15 t’Awwissu kienu iktar din is-sena mis-sena l-oħra.
Fil-fatt dawn żdiedu b’elf u mitejn hekk kif fl-aħħar erbat ijiem ta’ Santa Marija, il-vapuri tal-Gozo Channel għabbew xejn inqas minn tmienja u għoxrin elf u tliet mija u ħamsa u ħamsin karozza.
Is-sena l-oħra, kienu aktar minn sitta u tletin elf persuna li telqu miċ-Ċirkewwa s’Għawdex lejn l-aħħar tal-ġimgħa, u din is sena kien hemm viċin ta’ disgħa u tletin elf persuna li marru Għawdex miċ-Ċirkewwa fl-istess żmien. Dan ifisser żieda ta’ ftit iktar minn sebgħa fil-mija.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex, Daniel Borg, li spjega kif dan iż-żmien fis-sena huwa fost l-iktar wieħed bieżel għan-negozji Għawdxin.
Qal li f’dan iż-żmien l-interdipendenza tad-diversi negozji Għawdxin twassal sabiex ir-rota ekonomika Għawdxija tibqa’ ddur.
Spjega, “Dan kien ovvjament, weekend fejn ħafna nies ilhom jibbukkjaw anke xhur qabel u jħalli impatt, mhux biss f’dak is-settur iżda anke f’setturi oħrajn.”
Tenna li minħabba li dwar l-ivjaġġar internazzjonali għad hemm min għadu mhux iħossu komdu jagħmel dan minħabba l-pandemija, il-Maltin għadhom iduru lejn il-gżira tat-tliet għoljiet għal btala qasira.
Qal, “Qed ninnutaw pattern li anke minħabba r-restrizzjonijiet li qed naraw madwarna, ħafna Maltin iddeċidew li jerġgħu jgħaddu l-btala tagħhom hawnhekk.”