Is-sena li għaddiet il-ħwienet f’Malta kellhom bejgħ 3.4% aqwa milli kien fl-2023, skont il-Eurostat. Din hi rata ta’ tkabbir kważi tliet darbiet fuq il-medja Ewropea.
Ta’ min jinnota wkoll li, f’diversi pajjiżi Ewropej, fosthom il-Belġju, l-Estonja, l-Italja, il-Polonja, is-Slovenija u l-Finlandja, il-ħwienet esperjenzaw tnaqqis fil-bejgħ is-sena li għaddiet meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-Eurostat jistma li l-bejgħ mill-ħwienet fl-Unjoni Ewropea żdied b’4% biss, imqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19. Dan filwaqt li f’pajjiżna kien hemm żieda ta’ 19% jew kważi ħames darbiet il-medja Ewropea.
Pereżempju, fil-Belġju l-bejgħ għadu 4% taħt il-livell tal-2019 u fl-Italja l-begħ baqa’ 2% inqas mil-livell ta’ ħames snin qabel.
Wieħed mill-fatturi ewlenin wara din id-differenza fl-andament ekonomiku f’pajjiżna hi l-qagħda finanzjarja b’saħħitha tal-familji lokali, meta mqabbla ma’ dik tal-familji fl-Unjoni Ewropea.
Dan anke wkoll meta l-familji Maltin u Għawdxin kienu l-uniċi li ma raw l-ebda żieda fil-piż tal-kontijiet tad-dawl u fil-prezzijiet tal-fjuwil.
B’hekk filwaqt li familji madwar l-Ewropea spiċċaw magħfusin bi spejjeż essenzjali u ma setgħux jonfqu wisq fuq konsum ta’ prodotti u servizzi, dawk f’Malta kienu f’qagħda differenti.
Is-saħħa tal-konsum privat f’pajjiżna kienet fost il-kawżi prinċipali għad-distakk ekonomiku li kien osservat fl-aħħar snin, bl-ekonomija ta’ pajjiżna tikber b’rata ferm aktar mgħaġġla minn dik ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej.