Wara erbgħa snin ta’ konservazzjoni fiċ-ċentru nazzjonali tal-akwakultura fit-Torri ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk, il-Ġimgħa filgħodu beda’ l-proċess li bih il-ħuta nazzjonali l-Bużaqq, bdiet titpoġġa lura fl-abitat tagħha ġewwa l-Magħluq f’Wied il-Għajn.
Il-bużaqq huwa l-unika speċi f’Malta li jgħix f’ilma salmastru – ilma baħar imħallat ma’ ilma ħelu, u jiekol pjanti u annimali iżgħar bħal l-invertebri.
L-uffiċjal tal-akwakultura Ray Caruana spjega li dan it-tip ta’ abitat f’pajjiżna huwa rari u li l-bużaqq li jgħix fil-Magħluq kien qed ikun mhedded iktar minn dak fis-Salini u s-Simar.
“T’hawnhekk hija l-iktar waħda li għanda problemi, l-oħrajn huma stabbli bħalissa allura ikkonċentrajna ħafna fuq dan il-post fl-aħħar erba’ snin.” Qal l-Uffiċjal tal-Akwakultura.
Fisser li l-bużaqq mhux se jitpoġġa direttament fil-Magħluq iżda f’gaġġa fuq il-post.
“Għandna dawn iż-żewġ gaġeġ li għamilna hawnhekk, u l-ħut ma rrilaxxjaniehx direttament ġol-Magħluq imma l-ewwel ġo dawn il-gaġeġ biex dawn issa matul il-ġimgħat li ġejjin ħa jibqgħu jiġu mmonitorjati sew, illum tlaqna ħamsa u għoxrin imma l-iskop li nitilqu mija u ħamsa u għoxrin ġo dawn il-gaġeġ.” Kompla jgħid Caruana.
Jekk il-bużaqq ma jurix reazzjoni negattiva, dan jintelaq kompletament.
“Jekk naraw li dawn imorru tajjeb ġol-gaġeġ jistgħu jintelqu għal kollox fl-ambjent naturali.” Stqarr Caruana.
Id-deputat direttur tal-ERA Darrin Stevens spjega li bħalissa qegħdin isiru diversi proġetti simili ma’ għaqdiet ambjentali.
“L-ERA qed taħdem man-Nature Trust Malta permezz ta’ kuntratt qed jingħataw fondi, bħalissa ingħataw madwar mitejn elf ewro biex ikunu jistgħu jiġu mmaniġġjati s-siti. L-ERA ovvjament għandha fondi oħrajn u siti oħrajn u investiet issa madwar miljun u nofs biex inkunu nistgħu nippromwovu attivitajiet bħal dawn anke f’siti oħrajn.”Ikkonkluda Stevens.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera faħħar ix-xogħol li sar mill-entitajiet differenti u appella biex jibqgħu jiġu sostnuti attivitajiet ta’ konservazzjoni tal-ambjent naturali.
Ħabbar ukoll li qed isir xogħol biex jinħoloq bank tal-ġenetika tal-bijodiversità bħala mezz ieħor ta’ konservazzjoni tal-flora u l-fawna, u li qed issir riforma fid-dipartiment tas-sajd u l-akwakultura.