Il-ħtiġijiet u l-assi tal-gżejjer tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati fil-programmi l-ġodda ta’ finanzjament, qal l-MEP Alfred Sant meta indirizza laqgħa fil-Parlament Ewropew li matulha l-parteċipanti u r-rappreżentanti eletti ġodda tal-Parlament Ewropew u l-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ddiskutew il-passi politiċi ewlenin li jmiss fl-oqsma tat-transizzjoni tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni tal-Gżejjer tal-UE fil-Parlament Ewropew.
Alfred Sant qal li l-MEPs li jirrappreżentaw gżejjer fl-UE għandhom jiltaqgħu biex jiddiskutu, jisimgħu u jaqsmu l-ideat ta’ xulxin fuq il-ħtiġijiet differenti tal-gżejjer tal-UE.
“Ma għandniex nitilfu opportunitajiet ta’ appoġġ mill-UE offruti lil komunitajiet tagħna. Anki jekk l-insularita` hija fattur komuni għalina lkoll, għandna nkunu attenti għal politika ta’ one size fits all – anki fil-każ tal-gżejjer. Il-gżejjer tal-UE għandhom ħtiġijiet u potenzjal differenti, ibbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika u l-kobor tal-gżira, il-klima, il-popolazzjoni, u essenzjalment il-livell ta’ żvilupp.”
“Nixtieq nuri l-appoġġ tiegħi għat-twaqqif ta’ djalogu strutturat li għandu jimmira biex itejjeb il-koordinament tal-pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Eneriġija u l-Klima, u l-prestazzjoni tagħhom fit-tul. Koordinazzjoni li għandha tkun operattiva bejn l-entitajiet rilevanti tal-UE, inklużi, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni. Ir-rwolijiet ewlenin fi ħdan dawn id-djalogi għandhom jingħataw lil dawk li jirrappreżentaw direttament l-interessi tal-gżejjer fuq livell tal-UE biex jinkisbu soluzzjonijiet ta’ enerġija iktar ekoloġiċi u aktar nodfa għall-gżejjer.”
L-MEP Malti qal li storikament, prijoritajiet differenti bejn ir-reġuni naturalment wasslu għal politika u riżultati differenti.