Jumejn wara li d-dinja ntlaqtet minn ħsarat f’sistemi diġitali mqabbdin man-netwerk tal-kumpanija Microsoft, qed ikun stmat li ġew milquta mat-tmien miljuni u ħames mitt elf kompjuter minn madwar id-dinja.
Dan qalitu l-Microsoft stess, meta tat l-ewwel ċifri b’rabta ma’ dan l-inċident. Liema ċifri jissuġġerixxu li dak tal-Ġimgħa, x’aktarx kien l-agħar inċident online fl-istorja u jaqbeż kull każ ta’ hacks jew qtugħ li qatt sar online fl-istorja tat-teknoloġija.
Il-ħsarat seħħew minħabba kumpanija tas-sigurtà, imsejħa CrowdStrike, li bagħtet update fis-software b’xi ħsarat lil numru kbir ta’ klijenti.
Fi blog post mill-Microsoft intqal li ċ-ċifra ta’ aktar minn tmien miljun kompjuter hija inqas minn wieħed fil-mija tal-kompjuters tal-Windows kollha li jeżistu. Madanakollu l-impatt tal-inċident juri kemm ġew affettwati servizzi kritiċi.
Din il-kumpanija ġganteska fid-dinja tat-teknoloġija qalet li dan l-inċident juri l-bżonn li l-kumpaniji jagħmlu testijiet tal-kontroll tal-kwalità fuq l-updates, qabel jibagħtuhom lill-klijenti.
L-appell issa hu għall-attenzjoni minħabba messaġġi qarrieqa li qed jintbagħtu, min-nies li qed jippużaw bħala uffiċjali tal-Microsoft li jridu jgħinu lill-klijenti milquta.
Dan għaliex għad hemm diversi kumpaniji u nies li għadhom qed jirkupraw mill-inċident tal-Ġimgħa, fosthom ajruporti kbar li għadhom qed jesperjenzaw dewmien fit-titjiriet minħabba l-kaos ta’ jumejn ilu.
Din il-ħsara fis-sistemi onlajn, affettwat anki l-operat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn bosta passiġġieri spiċċaw maqbudin fil-mitjar Malti jistennew li kollox jiġi lura għan-normal.