Filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà li hemm fuq l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes li tinsab fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa juru kif il-ħsara li saret ma kienx vandaliżmu iżda inċident sfortunat.
Dan ikkomfermah is-Sindku tal-Marsa stess permezz ta’ kitba fuq Facebook li nnota kif wara komunikazzjoni mas-Supretendent Sandro Camilleri ma rriżultax li ħsara li saret, fejn inqalgħet ras Santa Bernardina li tinsab biswit l-istatwa tal-Madonna, ma rriżultax li kien vandaliżmu.
Madanakollu qed jingħad kif devot ta’ din l-istatwa mar jgħannaqha bil-konsegwenza li saret din il-ħsara.
Is-Sindku rringrazzja lil Ġużi Vella u l-familjari tiegħu li jieħdu ħsieb l-istatwa kif ukoll lill-Pulizija għas-servizz tagħhom.