Iż-żagħżugħ li jilgħab mat-tim Nazzjonali Malti u li lbieraħ iddebutta ma’ Glasgow Rangers, fl-Iskozja, stqarr li l-ħolma tiegħu saret realtà.
F’intervista, Myles Beerman qal li qatt ma ħaseb li minn din il-gżira żgħira f’nofs il-Mediterran kien se jasal sa hawn. Il-plejer kellu prestazzjoni tajba matul din il-partita kontra t-tim Kilmarnock li ntemmet fi skor ta’ 0-0.
Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena ingħaqad ma’ dan it-tim fis-sajf tal-2016, wara sentejn jilgħab ma’ Manchester City li xtrawh mit-tim Floriana. Il-plejer spjega li huwa ukoll sar jaf li se jkun qed jiddebutta f’din il-partita waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-kowċ tat-tim Skoċċiż, Pedro Caixinha.
Iddeskriva l-ewwel partita tiegħu ma’ dan it-tim bħala esperjenza “indeskrivibbli” u stqarr li kien sorpriż li l-kowċ tiegħu kien għażlu biex jilgħab. Fi kliemu l-atmosfera kienet waħda tal-ġenn, speċjalment minħabba s-sapport ta’ dawk preżenti.
REACTION: Watch post match reaction from @MylesBeerman after he made his debut for the first team tonight in the draw against Kilmarnock. pic.twitter.com/3Bkd6F0BN7
— RangersTV (@RangersTV) April 5, 2017