Meta kien għad kellha biss sena kienet diġà tkanta l-kanzunetta ‘Seventh Wonder’ ta’ Ira Losco. Kienet tifla ċkejkna b’ħolma. Ħolma li xi darba tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Malta Eurovision Song Contest.
Kellha biss 17-il sena meta ħadet sehem għall-ewwel darba u ta’ erbgħa u għoxrin sena meta spiċċat rebħet il-konkors.
Din hi l-istorja ta’ Miriana Conte, li issa se tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest f’Basel, l-Iżvizzera din is-sena, bil-kanzunetta ‘Kant’.
Iltqajna magħha ftit wara r-rebħa li minn dejjem kienet toħlom dwarha.
“Jien għalija l-emozzjonijiet huma surreali. Jien fan kbira tal-Eurovision. Meta kelli biss sena kont inkanta ‘Seventh Wonder’. Dan hu feeling surreali u veru grata li l-Maltin emmnu fija biżżejjed li rbaħt il-Public Televote, allura nirringrazzja lil kulħadd.”
Miriana Conte, Rebbieħa tal-MESC
Staqsejniha wkoll dwar l-isem kontroversjali tal-kanzunetta.
“‘Kant’ hi kelma Maltija. Immorru l-Malta Eurovision Song Contest biex inkantaw u ovvjament għalhekk ngħid Serving Kant.”
Miriana Conte, Rebbieħa tal-MESC
Minkejja li l-konkors jinsab ftit xhur ’il bogħod, din il-kanzunetta diġà marret virali fuq diversi mezzi soċjali kif ukoll f’diversi pajjiżi madwar il-globu.
“Laħqet pajjiżi bħal New York, l-Amerka, Ireland u veru ħadt pjaċir għax ħassejt l-imħabba. Tgħidli tħoss l-imħabba minn mobile? Imma veru bagħtuli barranin u apprezzawha d-diska, allura veru grata.”
Miriana Conte, Rebbieħa tal-MESC
Minkejja li ċerti preparamenti għadhom fi stadji inizjali, Conte qalet li hi tinsab imħejjija biex tagħti prestazzjoni tajba u tirrappreżenta lil pajjiżna b’unur, anke hekk kif issa, hi qed tiddedika ħinha u l-enerġija tagħha kollha għal dan il-għan.
“Għadu kmieni. Bħalissa għaddejjin bid-diskussjonijiet ta’ x’jista’ jiġri, u x’ma jistax. Qed inħossni eċċitata immens, immens. Veru ppreparata u qed nagħmel il-preparamenti li nista’ biex ovvjament nagħti show tajjeb u nirrappreżenta lil pajjiżi b’unur.”
Miriana Conte, Rebbieħa tal-MESC