Fit-20.15 tal-lejla it-telespettaturi ta’ ONE ser jkunu jistgħu jsegwu għall-ewwel darba dokumentarju politiku speċjali bl-isem ta’ il-Ħolma Maltija.
IL-ĦOLMA MALTIJA huwa l-istorja tal-vjaġġ li beda pajjiżna erba’ snin ilu. Storja tat-triq li mxejna taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat, sa mill-ewwel jum tiegħu bħala mexxej ta’ Malta. Storja ta’ statista u missier.
Id-dokumentarju ser jħares kemm lejn il-kisbiet storiċi li saru, b’analiżi minn fomm il-Prim Minsitru stess u mill-perspettivi ta’ dawk li ħadmu qrib tiegħu imm anke minn għajnejn dawk li raw ħajjithom tmur għall-aħjar permezz ta’ dawn il-bidliet.
Naraw storja ta’ mexxej ddeterminat, imma li għaraf wkoll jevolvi. Mexxej b’ambizzjoni li dejjem jħares lejn il-pass li jmiss.
IL-ĦOLMA li wieħed qiegħed jirreferi għaliha fit-titlu hija wkoll ħolma reali. Hekk kif kull waħda u wieħed minna jixtiequ jagħmlu l-pass li jmiss: min jsib xogħol aħjar, min jiftaħ negozju tiegħu jew jkabbru, min jagħmel suċċess f’dixxipplina sportiva, min li jara lill-uliedu jixtru d-dar tagħhom, min jiggradwa f’età matura. L-istejjer tagħna huma mwaħħda fil-viżjoni tal-Prim Ministru li qiegħed jaħdem għal soċjetà li fiha dan kollu jkun possibbli.
Soċjetà progressiva, moderna u liberali li toffri l-għola livell f’ħafna oqsma. Fejn uliedna jkunu jilħqu l-għola livelli ta’ speċjalizazzjoni fl-oqsma tagħhom f’Malta stess. Fejn flok immorru barra minn Malta għal kura tant navvanzaw fis-servizzi tagħna għal Maltin li anke barranin jibdew jiġu fostna biex jieħdu kura.
IL-ĦOLMA MALTIJA jikxef l-animu Malti, ta’ stat uniku fil-Mediterran, poplu li artu ċkejkna imma li ma jridx jieqaf joħlom u li hu konvint li l-aqwa żmien tiegħu għadu ġej.
Id-dokumentarju li huwa xogħol it-tim Kreattiv fi ħdan il-Partit Laburista, għandu narrazzjoni ta’ Ray Calleja. Apparti live fuq ONE illejla fit-8.15, id-dokumentarju se jkun qed jintwera live wkoll fuq josephmuscat.com u il-paġna ta’ Facebook Joseph Muscat.