Ilha taħdem għal dan il-mument 14-il sena. Fl-2016 ma kkwalifikatx iżda fl-2020 stinkat biex tipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. Ħidma li waqfet ħesrem minħabba l-pandemija u l-Olimpjadi ġew posposti.
Amy Micallef għandha 22 sena u meta kellha tmien snin skopriet li kellha talent fl-għawm li bih rebħet diversi unuri f’isem pajjiżna.
Amy ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin tqum kmieni filgħodu u tibqa’ sa tard filgħaxija titħarreġ biex tirrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi.
Hija stqarret: “Ili nipprattika għall-Olimpjadi għal dawn l-aħħar erba’ snin ovvjament u l-preparazzjonijiet tqal ħafna, I mean kif għidtlek, inqum kuljum fl-erbgħa u nofs ta’ filgħodu, fil-ħamsa u nofs inkun fil-pool, nittrenja għal xi siegħa u nofs filgħodu u nerġa’ sagħtejn filgħaxija.”
Micallef spjegat kif issa spiċċat titħarreġ fl-ilma baħar biex imqar iżżomm lilha nnifisha attiva f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Amy sostniet: “L-iktar ħaġa li ovvjament laqtitni huwa li t-training tiegħi qisu waqaf kull ma qed nagħmel, qed nipprova ngħum fil-baħar, kelli nixtri wetsuit ukoll. The training is very different u nagħmel ħafna body training u land training id-dar.”
Minkejja dan ix-xkiel, Amy xorta waħda ħarġet il-pożittiv minn din is-sitwazzjoni hekk kif issa għandha ftit iktar ċans biex tipprepara lilha nnifisha għall-akbar avveniment sportiv li mistenni jsir sena oħra.