L-edizzjoni ta’ din is-sena taċ-‘Children’s Dreams’ rat il-ħolm u x-xewqat tat-tfal kollha jinqatgħu kollha f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa mindu tħabbret l-inizjattiva nazzjonali.
Is-solidarjetà tal-poplu ma’ madwar 1,400 tifel u tifla fil-kura tal-istat jew oħrajn, li qed jiffaċċjaw sfidi d-dar, twettqet f’ħin rekord f’din it-tnax-il edizzjoni tagħha, li tnediet ilbieraħ filgħodu. B’hekk ġie assigurat minnufih li kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità jesperjenzaw l-ispirtu ta’ ferħ u mħabba li jġib miegħu dan il-perjodu festiv.
Kienet id-Direttur tal-Kura Alternattiva fi ħdan l-FSWS, Remenda Grech, li ħabbret dan fuq il-midja soċjali, waqt li rringrazzjat lil kulħadd tal-fiduċja u l-konkorrenza fenomenali, li tixhed ukoll il-qalb kbira tal-poplu Malti.
Qalet li issa d-Direttorat se jkun qed jilqa’ r-rigali indikati mit-tfal fl-uffiċini tiegħu fil-Mosta sat-13 ta’ Diċembru biex imbagħad ikunu jistgħu jitqassmu lid-destinatarji.
Ma’ dan żiedet tgħid li dawk kollha li xorta jixtiequ jgħinu, huma mitluba jagħmlu kuntatt mad-Direttorat biex jiġu ggwidati kif jistgħu jagħmlu dan.
