Kumpanija privata li tipproduċi l-ikel fosthom il-ħobż, naqset miljun basket tal-plastik mis-suq.
Dan permezz ta’ inizjattiva ambjentali, li ħadet b’mod volontarju din il-kumpanija fejn il-ħobża tal-Malti qed tinbiegġħ f’borża tal-karti minflok tal-plastik.
Dan intqal waqt żjara li għamel f’wieħed mill-ħwienet tal-Maypole, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia.
F’Birkirkara l-Ministru Farrugia spjega kif il-konsumaturi u n-negozji huma parti kruċjali fit-tranżizzjoni ekoloġika li l-Gvern qed jixpruna f’pajjiżna.
Id-Direttur tal-Maypole Sebastian Debono ħabbar kif bħalissa l-kumpanija għaddejja bi studju sabiex fiż-żmien li ġej il-ħobża tal-Malti tibda tingħata f’basket tad-drapp li jista’ jibqa’ jintuża.
Qal, “Dan huwa suġġett għal qalbna ħafna, aħna nħossuna responsabbli ħafna li l-ambjent jixraqlu l-attenzjoni tagħna. Sentejn ilu bdejna dan il-proġett u għadna għaddejjin bih. Neħħejna miljun borża tal-plastik fiċ-ċirkolazzjoni tas-suq. Il-ħsieb huwa li neqilbu ħafna aktar. Kif semma’ l-Ministru wkoll qlibna issa għal borża tad-drapp.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia semma wkoll kif bħalissa għaddej xogħol biex aktar tard din is-sena tiġi implimentata l-miżura mħabbra fil-budget li permezz tagħha aktar ħwienet jallokaw spazji sabiex ibigħu prodotti alternattivi għall-plastik.
Huwa fakkar f’miżura oħra li daħlet kontra l-użu ta’ darba tal-plastik.
Qal, “Il-Gvern f’Jannar li għadda introduċa ban fuq l-importazzjoni ta’ single use plastics, li issa se toħodna għal Jannar li ġej u allura l-ban ikun fuq is-sales ta’ single used plastics. Jiġifieri b’hekk se nneħħu dawn il-mezzi li mhux sostennibli miċ-ċirkolazzjoni.”