Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ħobża ta’ kuljum hija kruċjali fit-tfassil u fil-kitba tal-istorja tal-ġens Malti. Muscat qal li d-diffikultajiet u l-kundizzjonijiet materjali li n-nies f’Malta u madwar id-dinja ħabbtu wiċċhom magħhom tul iż-żmien huma elementi importanti fil-kitba tal-istorja.
Il-Prim Ministru qal dan meta ġie ippreżentat b’kopja tal-ktieb A MATERIALIST REVISION OF MALTESE HISTORY: 879-1919 mill-istoriku Mark Camilleri li jitfa’ dawl ġdid fuq 1049 sena ta’ storja Maltija.
“It-tfassil tal-istorja u l-kitba tal-istorja huma qaddejja tal-fatti. It-tnejn huma konxji tas-sensittivita` tal-istorja. Il-metidoloġija u t-teknika tagħna huma bbażati fuq supposizzjonijiet teoretiċi u immaġinarji. Jien tal-fehema li għandna nkunu konxji tal-kundizzjonijiet materjali li fihom il-poplu Malti kellu jikseb il-ħobża ta’ kuljum tul iż-żminijiet. L-istess għandna nagħmlu dwar popli oħra, speċjalment il-popli Ewropej.” qal il-Prim Ministru.
Muscat qal li l-istoriċi kulltant dan jinsewh. “Ġieli jirraġunaw li l-ideat huma l-forza ewlenija li ġġib il-bidla fis-soċjeta` u fil-politika. Jew inkella li l-poter huwa ’l bogħod minn opportunitajiet konkreti li jagħmlu d-deċiżjonijiet possibbli. Riċerkaturi bħal Mark Camilleri huma konxji biżżejjed biex ifakkruna li dan mhux minnu. Il-publikazzjoni l-ġdida tiegħu forsi sservi ta’ sejħa biex riċerkaturi oħra jiftakru li l-istorja hija kwistjoni ta’ dak li jillimita l-potenzjal uman biex jikseb dak li jista’, fid-dawl tar-riskji u d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom. Apprezzejt il-kawtela li joffri dan il-ktieb u l-impenn tal-awtur biex jitfa’ dawl ġdid fuq l-istorja ta’ Malta.”