Waqt il-laqgħa tal-Ministri tal-Agrikoltura Ewropej fil-Finlandja, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri sostna fuq l-importanza li nsostnu livell għoli fil-kwalità tal-ħitan tas-sejjieħ f’pajjiżna sabiex tkun ikkontrollata b’mod aħjar l-erożjoni tal-ħamrija.
Is-Segretarju Parlamentari qal li għal dan il-għan, l-inċentivi finanzjarji kienu u se jibqgħu inklużi fil-pjanijiet iffinanzjati mill-Politika Agrikola Komuni. Fil-fatt spjega kif l-inċentivi finanzjarji li jappoġġjaw iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ dejjem ġew inklużi fil-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Kompla jgħid kif sa minn meta Malta ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea, inċentivi għall-konservazzjoni tal-ħamrija ġew integrati fil-Pjan ta’ Żvilupp Rurali għall-gżejjer Maltin. Huwa elenka li dawn kienu jinkludu promozzjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni favur l-ambjent bil-għan li titnaqqas id-degradazzjoni tal-ħamrija kif ukoll jonqos it-telf ta’ habitats rurali billi jiżdied aktar l-għarfien ambjentali permezz ta’ aktar responsabbiltà fost il-bdiewa.
Is-Segretarju Parlamentari qal kif minkejja dan, sfortunatament l-erożjoni tal-ħamrija fil-gżejjer Maltin ġiet identifikata bħala proċess predominanti tad-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art b’impatt kbir għas-sostenibbiltà tas-settur agrikolu. Għalhekk, ġew introdotti diversi miżuri immirati għall-konservazzjoni tal-ħamrija.
L-ikbar tliet theddidiet għall-ħamrija huma l-erożjoni, il-kompattazzjoni u telf tal-materja organika tal-ħamrija. Huwa spjega kif madwar 435 bidwi li jkopru żona ta’ 700 ettaru bħalissa qed jimplimentaw pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-ħamrija bħala parti mill-impenji agroambjentali. Waħda mill-miżuri tinkludi l-prattika li titħalla l-art mistrieħa bil-għan li jinħoloq bilanċ aħjar fin-nutrijenti tal-ħamrija, il-bijota tal-ħamrija terġa’ tistabbilixxi u jitkissru ċ-ċikli tal-pesti u l-mard.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri appella għal konsultazzjoni aktar mill-qrib mal-bdiewa sabiex jiġu identifikati miżuri u metodi ġodda għall-ġid tal-biodiversità, il-klima u l-pajsaġġ. Huwa temm jgħid li l-intenzjoni ta’ Malta kienet dejjem li nkomplu nibnu fuq l-esperjenza, nipprovdu appoġġ lill-bdiewa u ninċentivaw miżuri ta’ konservazzjoni tal-ħamrija li jgħinu wkoll fis-sekwestru tal-karbonju. Dan filwaqt li insista li l-Politika Agrikola Komuni għandha tħalli lill-Istati Membri jiddisinjaw u jimplimentaw miżuri skont il-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet speċjali tagħhom, sabiex bħala gvern u pajjiż nilħqu l-miri tagħna.
Fuq stedina tal-Ministru Finlandiż li bħalissa qiegħed jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri żar ukoll l-irziezet tal-baqar fil-Finlandja kif ukoll foresti li jintużaw għall-produzzjoni sostenibbli tal-injam. Huwa nnota kif bħal pajjiżna, is-suċċess tal-industrija tal-ħalib huwa bbażat fuq il-fatt li r-raħħala stess huma s-sidien ta’ kumpaniji li jipproċessaw l-ħalib f’dan il-pajjiż.
Ritratti – MESDC_PS