L-umoriżmu, il-ħin flimkien u s-sens ta’ familja, huma tliet elementi kruċjali li għandhom isawru l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Hekk qalilna Charles Grima, iċ-Chief Assistance Rescue Officer fl-istazzjon tat-tifi tan-nar f’Ħal Far, li tkellimna miegħu fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Pumpiera.
Charles Grima qal“Jiena bħala karriera, ta’ tmintax-il sena kif ħriġt mill-iskola mort naħdem fil-fire brigade tal-airport, kont fil-maintenance section u dejjem xtaqt inkun iktar fuq il-linja u iktar attiv. Fin-98 kienet ħarġet l-applikazzjoni għal mas-Civil Protection u applikajt.”
Minn dakinhar ma ħarisx lura u ilu kwart ta’ seklu jaħdem u javvanza mal-Protezzjoni Ċivili.
Ix-xogħol mhu faċli xejn u ħafna drabi, dawn il-ħaddiema jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ta’ ħajja jew mewt.
Huwa kompla jgħid“Jiena l-iktar li nbati fejn ikun hemm tfal żgħar. Darba kelli esperjenza kerha li kelli mmur fuq tarbija li tilfet ħajjitha. Dik tibqa’ mwaħħla miegħi.”
Iżda bħal kull xogħol ieħor, iseħħu wkoll mumenti li jnisslu tbissima, u ġieli anki daħka, bejn il-ħaddiema.
Is-Sur Grima huwa magħruf għas-sens umoristiku tiegħu, għaliex minkejja li huwa bniedem serju ħafna fuq xogħlu, huwa wkoll ċajtier u dejjem jara kif jgħolli l-moral f’sitwazzjonijiet ibsin.
Spontanjament staqsejnieh jaqsam magħna wieħed minn dawn l-episodji, u semma każ meta darba daħlet sejħa għall-għajnuna ta’ qattus li kien waqa’ f’ġibjun.
Spjegalna li mal-ewwel daqqa t’għajn, deher li ma kienx hemm ilma, u talab kollega tiegħu jinżel b’sellum.
Charles Grima qal “Li ma konniex nafu li qegħdin fuq biċċa qisha blata li vera kien hemm 20cm u kif mexa żewġ passi, niżel sa għonqu fl-ilma. Dar fuqi qalli, taf tkejjel ukoll! Għidtlu kif qiegħed hemm għum inti, ixxarrabx lili wkoll, u l-qattus, ironikament, spiċċa tela’ waħdu.”
Huwa spjegalna li tkun xi tkun is-sitwazzjoni, jagħmilha punt li l-uffiċjali ma jġorrux id-dwejjaq u l-istress tax-xogħol magħhom id-dar.
Fil-fatt, wara kull biċċa xogħol, jinġabru flimkien ma’ mejda u b’tazza kafè f’idhom, jiddiskutu dak li jkunu għaddew minnu, biex filwaqt li joħorġu t-tensjoni, jaraw x’għamlu tajjeb u x’seta’ mar aħjar.
Finalment Charles qal “Waħda mir-raġunijiet li l-fire brigades iħobbu ħafna t-24 hours straight hija biex inti tibni grupp li tkun qiegħed magħhom. L-ewwelnett, tkun taf fejn bniedem jispicca u fejn ma jispikkax daqshekk. Kulħadd għandu l-linja tiegħu u tipprova żżomm shift li jekk inti għandek bniedem tajjeb f’oġġett, tisfruttah iktar hemm u l-oħrajn jitilgħu bilmod għal miegħu, imma li tqatta’ ħafna ħin flimkien, mhux dħalt għal shift qasir, issibha tajba li n-nies jitkellmu bejniethom u jaqsmu l-esperjenzi flimkien għax jiġu qishom familja żgħira tax-xogħol.” 35
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Pumpiera, ONE News jirringrazzja lil dawn il-ħaddiema għax-xogħol professjonali tagħhom u li ħafna drabi, jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw tal-oħrajn.