Pass importanti għall-ekonomija Maltija, hija t-tnedija tal-Kunsill Nazzjonali għall-ħiliet li l-għan ewlieni tiegħu huwa li tindirizza diversi oqsma relatati mad-dinja tax-xogħol inkluż dawk li ma kinux daqshekk kompetittivi.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt konferenza li ħabret it-tnedija ta’ dan l-istess Kunsill, li se jitmexxa mill-Professur Joseph Cilia u se jkollu tlettax-il membru minn istituzzjonijiet differenti bħal MCAST, ITS, l-Universitá ta’ Malta u għaqdiet li jħarġu lill-ħaddiema.
Il-Professur Cilia qal li din hija sfida interessanti li qed tindirizza l-Unjoni Ewropea permezz tal-aġenda għall-ħiliet ġodda li kienet ippublikata f’Ġunju ta’ din is-sena. Pajjiżna se jkun qed jimxi id f’id ma’ dak li qed timbotta ‘l quddiem l-Unjoni Ewropea permezz ta’ dan il-Kunsill li se jintervjeni mal-entitajiet relatati fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet fuq il-post tax-xogħol.
Il-ħiliet ivarjaw minn ħiliet neċċessarji skont il-kariga li jokkupa l-ħaddiem għal ħiliet bażiċi bħal kif wieħed għandu jippreżenti ruħu fuq il-post tax-xogħol u l-imġieba tal-persuna mal-kollegi.