Il-hijack fuq l-ajruplan tal-Afriqiyah Airways f’Diċembru li għadda beda għoxrin minuta wara li bdiet it-titjira li kellha tieħu minn Sebha għal Tripli.
Xehdet dan air hostess ta’ din il-linja tal-ajru li spjegat kif “wara għoxrin minuta fl-ajru, persuna li kienet bilqiegħda fuq wara mxiet ‘il quddiem. Staqsejtu għaliex ġie quddiem, għax normalment hemm business class. Beda jgħidli li ried ikellem il-pilota.”
Hawn irrakkontat kif beda jgħidilha li kellu xi ħaġa x’juri lill-pilota u ta karta li fuqha kien hemm miktub li l-ajruplan huwa maħtuf. “Għolla l-flokk u rajt li kellu qisha bomba żgħira,” kompliet tirrakonta.
L-ittra kienet tgħid li l-bdot kellu jsuq lejn Ruma u t-theddida kienet ċara, dik li jisplodu l-ajruplan jekk ma jiġrix hekk.
Hi stqarret li qaltlu biex jikkalma u għamlet l-almu tagħha biex il-passiġġieri ma jintebħux. Intant, hu għamel sinjal lill-passiġġier ieħor biex jersaq ‘l quddiem.
Għall-mistoqsija dwar għaliex l-ajruplan spiċċa Malta minflok Ruma, kien spjegat li l-bdot qal li biex jagħmel dan, ried imur lura Tripli għal fuel.
B’hekk intgħażlet Malta li kienet qrib. Hi żiedet tgħid li l-passiġġieri kienu mgħarrfa b’dak li ġara ladarba waslu Malta. B’dan il-każ qed ikunu akkużati Moussa Shah Soko, ta’ sebgħa u għoxrin sena u Ali Ahmed Saleh ta’ tmienja u għoxrin sena. Wieħed mill-avukati oġġezzjona għall-preżenza tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li qed jassistu l-prosekuturi f’dan il-każ. Din it-talba kienet deskritta bħala frivola.