“Il-ħajja ma rridux nqisuha mill-għadd taż-żmien li ngħixu, imma mill-ħajja li npoġġu fiż-żmien”. Dan il-kliem tad-deheb mill-Monsinjur Victor Grech, li spiċċa poġġih tassew fil-prattika wara li mal-erbgħin sena ilu waqqaf l-organizzazzjoni Caritas Malta.
Minn dak iż-żmien ’il hawn, permezz ta’ xelters li fetħet, l-organizzazzjoni rnexxielha sservi ta’ kenn, faraġ u għajnuna għal dawk li jkunu spiċċaw vittmi ta’ vizzji koroh, bħal droga, alkoħol jew dejn bl-użura.
Permezz ta’ din il-missjoni u ħidma ta’ Dun Victor Grech fl-ispirtu ta’ solidarjetà u ħidma volontarja, ħafna persuni minn faxex differenti tal-ħajja baqgħu jafu l-għixien tagħhom lejh.
Dwar dan, ONE News tkellem ma’ Miguel Mifsud, eks plejer internazzjonali tal-futbol li, bis-saħħa tal-Caritas u riabilitazzjoni li kellu jagħmel għal aktar minn darba, irnexxielu jegħleb il-vizzju tad-droga.
Miguel iltaqa’ mal-Monsinjur Victor Grech l-ewwel darba 25 sena ilu meta kien għadu daqsxejn ta’ żagħżugħ ta’ 19 il-sena.
“Forsi f’għajnejja ma kienx daqshekk kbir, però mill-ewwel indunajt bl-imħabba, bil-mod ta’ kif hu kien jilqa’ lilna lir-residenti, fil-premises ta’ San Blas b’imħabba kbira u kien jagħtina dik il-komfort u jħobbna bħala missier tagħna u, ovvjament, id-daħka tiegħu fuq wiċċu hi xi ħaġa sabiħa xi ħaġa kbira li tagħtik komfort kbir fil-ħajja tiegħek.”
Miguel Mifsud, eks residnet f’San Blas
Iżda Miguel qalilna li l-mixja ta’ din il-missjoni għall-Monsinjur Grech mhux dejjem kienet waħda faċli, speċjalment fil-bidu tagħha, iżda minkejja dan u kull ostaklu hu xorta ma qatax qalbu.
“Kellu anke theddid min-nies biex ma jkomplix jgħin jew biex ma jkomplix jiftaħ dawn l-affarijiet, mhedded ukoll b’ħajtu saħansitra, per` l-imħabba li kellu lejn il-bniedem addict kienet tegħleb kull bbiża’ li provaw jintimidawh biha.’’
Miguel Mifsud, eks residnet f’San Blas
Hu tenna li, kieku ma kienx Dun Victor Grech għalih, kieku llum żgur mhuwiex il-persuna li hu llum.
“Ovvjament tul dawn is-snin kollha tal-programm ħadt għodda kbira jiena li llum il-ġurnata nista’ ngħid nuża fil-ħajja tiegħi, ili sitt snin clean u sober u dan kollu u jiena grat ħafna lejn l-għodda li ħadt mill-programm, li mingħajr dawn l-affarijiet, kienet tkun diffiċli ħafna għalija biex forsi mmur lura fis-soċjetà.”
Miguel Mifsud, eks residnet f’San Blas
Fi kliemu, Miguel kompla li, bil-ġid tal-Monsinjur Grech, ma gawdiex biss hu u l-eluf ta’ persuni oħrajn li kellhom il-vizzju.
“Il-Caritas m’għenitx biss lili, imma għenet ukoll lill-familja tiegħi, ħafna mill-konsegwenzi li jiena ġibt fil-ħajja tiegħi kienu tort tiegħi. Però l-familja tiegħi ma staqsietx għalihom, il-Caritas għenet lill-familja tiegħi biex tkun taf kif għandha tikkontrolla nies bħali.”
Miguel Mifsud, eks residnet f’San Blas
Miguel temm jgħidilna li t-telfa tal-Monsinjur Victor Grech kienet diffiċli ħafna, iżda jinsab ċert li ħalla din id-dinja kuntent għax, partikolarment, kien laħaq skop ewlieni f’ħajtu.
“Aħna nħarsu lejh bħala missierna, li miet b’uliedu miegħu. Uliedu huma aħna, kulħadd beda jmur jarah u jgħid lil kulħadd kemm iħobbna, li mar jiltaqa’ mal-Ħallieq, mal-Mulej, b’mod seren u wettaq dak li kellu jwettaq … il-purpose tiegħu wettqu.”
Miguel Mifsud, eks residnet f’San Blas