Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali dwar il-Kanċer, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, żaret iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Waqt din iż-żjara, li matula l-President Coleiro Preca kienet akkumpanjata mis-Sur John Camilleri, Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation, hija ħabbret li l-istess MCCFF daħlet għal proġett li permezz tiegħu kull sodda fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija ser ikollha sett tat-televiżjoni komplut b’għadd ta’ stazzjonijiet diversi.
Il-President irringrazzjat lil kull min kien involut biex dan il-proġett isir realtà, fosthom id-diriġenti u l-ħaddiema taċ-Ċentru tal-Onkoloġija u tal-Isptar Mater Dei, lill-kumpaniji li ssupplixxew is-settijiet tat-televiżjoni u anke s-servizz, u lill-Maltin u l-Għawdxin. Dan għaliex, mingħajr il-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin, dan il-proġett żgur ma’ kienx ikun possibbli.
Intant, waqt attività li n-National Cancer Platform organizzat fil-Belt Valletta biex jiżdied l-għarfien dwar il-kanċer u dwar il-prevenzjoni tal-marda tal-kanċer, il-President ta’ Malta ħabbret ukoll li l-għaqdiet li jifformaw in-National Cancer Platform iddeċidew li jingħaqdu flimkien u jagħmlu assoċjazzjoni. L-iskop huwa li l-għaqdiet jibqgħu indipendenti fis-servizzi li huma jagħtu imma li jkunu flimkien ħalli jkunu jistgħu jwasslu aħjar il-vuċi għall-bżonnijiet li hemm ħalli l-poplu jsir iktar konxju ta’ x’għandu jagħmel biex jippreveni, jew biex jimmaniġġja l-marda tal-kanċer bl-aħjar mod possibbli.
L-għaqdiet li jifformaw parti min-National Cancer Platform huma Action for Breast Cancer Foundation, Alive Charity Foundation, Aurora Support Service, Europa Donna Malta, Dr Klown, Hospice Malta, Karl Vella Foundation, Lumiere Support Group, The Malta Community Chest Fund Foundation, Malta Health Network, Malta Male Cancer Awareness, Malta Ostomy Association, Malta Colorectal Cancer Awareness Group, Puttinu Cares u Survivors Malta.