Hekk kif il-Maltin u l-Għawdxin jibdew iħejju għal ġurnata xogħol kmieni filgħodu, il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ikunu diġà fuq il-post tax-xogħol tagħhom kuljum madwar il-gżejjer Maltin.
Ix-xogħol tagħhom ta’ kuljum jinkludi tindif ta’ kull tip ta’ skart minn bosta toroq, liema xogħol sfortunatament qatt ma jonqos minħabba l-abbużi ta’ min jarmi barra.
ONE News dar bosta lokalitajiet ma’ numru ta’ ħaddiema mid-Diviżjoni. F’Ħal Qormi, il-ħaddiema bdew inaddfu l-banikini fiż-żona.
Il-waqfa li jmiss kienet fil-limiti tar-Rabat, fejn fi triq imdawra bl-għelieqi, il-ħaddiema tad-diviżjoni sabu kwantità kbira ta’ skart goff mormi fil-ġenb tat-triq, tant li kien hemm bżonn gaffa sabiex dan jinġabar.
F’Buġibba, fejn id-Diviżjoni ddedikat tliet vetturi b’investiment ta’ erba’ mitt elf ewro għal din iż-żona biss, dan l-istazzjon ra skart residenzjali mifrux mat-toroq ta’ din il-lokalità.
Hawn id-Diviżjoni ġabret saqqijiet, fridges, u sufanijiet fost l-oħrajn, tant li l-vetturi tad-Diviżjoni imtlew bl-iskart wara biss ronda żgħira fi ftit toroq.
Il-ħaddiema tad-Diviżjoni f’Buġibba qalu lil dan l-istazzjon li, minkejja din il-ħidma tagħhom, meta jerġgħu jagħmlu r-rondi tagħhom ġurnata wara, sfortunatament jerġgħu jsibu l-istess tip ta’ skart.
ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, li għamilha ċara li l-ħidma bla waqfien tad-Diviżjoni mhijiex skuża biex wieħed jarmi barra.
Huwa qal “Ma jfissirx li aħna, għax noffru dawn is-servizzi, jinħareġ l-iskart illegalment kif qed jinħareġ bħalissa. Ovjament, hija żona turistika li tattira turisti tal-massa ġewwa pajjiżna, u l-interess tal-Gvern huwa li l-livell tal-indafa dejjem jitjieb.”
Deguara fakkar li, għal kull tip ta’ rimi ta’ skart, wieħed jista’ faċilment juża servizzi offruti mill-Gvern u mill-kunsilli lokali, minflok jarmi barra u jħammeġ pajjiżu.
“Is-servizzi governattivi huma kollha qiegħdin hemm, jiġifieri wieħed jista’ jmur jarmi faċilment fis-siti li toffri l-kumpanija WasteServ. Hemm is-servizz tal-’bulky refuse’, li jiġi offrut mill-kunsilli lokali. Jiġi offrut ukoll servizz anke minn din id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, għax nafu li mhux kull skart jinġabar mill-kunsilli lokali. Dan qiegħed sempliċiment telefonata l-bogħod, billi ċċempel fuq in-numru 1718 u jintbagħtu n-nies biex jinġabar l-iskart.”