Il-World Government Summit f’Dubai ġie fi tmiemu wara numru ta’ laqgħat u diskussjonijiet fost l-ogħla esponenti ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja. Il-programm ta’ dan is-summit kien maqsum fuq tlett ijiem fejn laqqa’ diversi politiċi u personaġġi magħrufa minn madwar id-dinja sabiex jiddiskutu l-andament u l-futur tal-pajjiżi, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta, Keith Azzopardi Tanti, kien mistieden sabiex jitkellem f’panel discussion dwar kif il-pajjiżi qed iħarsu lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. F’dan ir-rigward huwa semma x’qed jagħmel pajjiżna f’dawn l-oqsma.
Huwa spjega li għalkemm Malta hija gżira żgħira u għaldaqstant limitata mir-riżorsi, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma importanti sabiex tkompli tikber l-ekonomija tal-pajjiż. “Ħarisna lejn setturi li fihom irridu nagħfsu l-aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex dawn iwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar,” tenna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti. Huwa faħħar lill-Emirati Għarab Magħquda (UAE) tal-qabża fil-livell li wettqu fl-aħħar snin u sostna li huma mudell ta’ min isegwi għal ħafna, inkluż Malta.
“Summit ta’ dan it-tip jagħti l-opportunità li tkompli tikber il-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi differenti. Malta hija miftuħa għal aktar djalogu ma’ pajjiżi oħra sabiex iwasslu għal ftehim konġunti ta’ ħidma fil-futur, b’attenzjoni partikolari fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.
Matul iż-żjara tiegħu f’Dubai, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti ltaqa’ ma’ diversi ministri inkluż il-Ministru tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-UAE Omar Sultan Al Olama, kif ukoll ma’ diversi entitajiet governattivi u oħrajn privati, fosthom l-MBR Space Centre, l-UAE Space Agency, Dubai Future Foundation u Technology Innovation Institute.