Gvern Laburista ħadem biex isolvi l-problema dwar skart tal-kostruzzjoni u twaqqigħ li jirrappreżenta l-maġġoranza tal-iskart solidu li jiġi ġġenerat fil-Gżejjer Maltin. Dan wara li ġew mfassla u publikati regolamenti ġodda u ntlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-operaturi tal-barrieri u r-rappreżentanti tagħhom.
Fil-fatt il-Ministru għall-ambjent José Herrera żar waħda mill-akbar barrieri fil-Qrendi, li wara li ngħatat permess mill-Awtorità tal-Ippjanar, din il-ġimgħa ngħatat permess ambjentali mill-Awtorità tal-Ambjent (ERA) biex issa din il-barriera qed tirċievi ukoll skart tal-kostruzzjoni u twaqqigħ.
Il-Ministru José Herrera spjega li l-ERA emendat ukoll il-permessi tal-barrieri awtorizzati minnha biex jaċċettaw materjal nadif tal-kostruzzjoni minn kwalunkwe individwu.
Din il-barriera tinsab fil-limiti ta’ wirt dinji, it-tempji tal-Imnajdra u Ħaġar Qim, iżda Gvern preċedenti dan il-post kien identifikat bħala sit għall-enginereed landfill. Għalhekk, spjega l-Ministru li dan il-pass huwa importanti ferm biex din il-barriera tal-qawwi tiġi restawrata biex tkun kompatibbli mal-bqija tal-pajsaġġ eżistenti.
Dan ifisser li l-ħidma ta’ Gvern Laburista se tkun qed ittaffi l-isfida ta’ fejn jittieħed skart tal-kostruzzjoni u twaqqigħ biex żoni bħal dawn jingħataw lura lill-pubbliku biex ikun jista’ jgawdihom.