Fi stqarrija l-Kurja ta’ Malta qalet li f’dawn l-aħħar xhur il-ħidma pastorali fl-Isptar Mater Dei għaddiet mill-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar team ta’ saċerdoti biex il-ħidma pastorali fl-isptar tibqa’ tingħata 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.
It-team taċ-Chaplaincy illum hu magħmul minn Dun Louis Farrugia, Dun Reuben Vella, Dun Reuben Deguara u Dun René Camilleri bħala koordinatur ta’ din il-ħidma.
Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini tal-ħidma li dejjem tat għal snin twal fl-Isptar Mater Dei, u qabel fl-Isptar San Luqa, kif ukoll tal-ħidma li għadha twettaq fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre.
Iċ-chaplaincy fl-isptar hi responsabbli mill-ministeru pastorali tal-marid u qrabatu. Dawn is-saċerdoti jqarbnu lil dawk il-morda li jkunu jixtiequ jirċievu l-Ewkaristija.
Il-marid jew qrabatu huma mħeġġa javżaw lill-infermiera tas-sala fejn ikunu li jixtiequ jirċievu dan is-sagrament. Meta l-marid ikun f’qagħda kritika, saċerdot jassistih permezz tad-Dilka tal-Morda, kif ukoll ikun preżenti fil-mument meta persuna tmut.
Is-saċerdot ikun imsejjaħ anke bħala sapport għall-qraba f’dan il-mument ta’ niket.
Il-ħaddiema tal-isptar, li kontinwament jaffaċċjaw tbatija li ġġib magħha tant niket u dubji, ukoll jistgħu jitolbu l-assistenza taċ-chaplaincy.
Kull min jixtieq l-assistenza tas-saċerdoti fl-isptar jista’ jsaqsi fir-reception, isaqsi lil xi ħadd mill-ħaddiema fis-sala li jkun qiegħed il-pazjent jew iċempel 25456870.
Il-quddies isir kuljum fis-6:30 a.m. u fis-7:00 a.m. Fil-Ħdud u l-festi l-quddies isir fis-6:30 a.m., fis-7:15 a.m u f’12:00. Is-saċerdoti jkunu hemm minn qabel għal min jixtieq jgħid kelma mas-saċerdot jew għas-sagrament tal-qrar.