Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-ħidma fuq il-proġett tal-breakwater ta’ Marsalforn kompliet għaddejja fl-aħħar xhur fejn sar u tlesta l-Environmental Impact Assessment, l-istudju neċessarju mitlub mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, għal proġett kbir u essenzjali ta’ dan it-tip. Dan l-istudju twettaq mill-kumpanija AIS Environment.
Ingħad li, fil-ġimgħat li ġejjin, l-ERA se tkun qed tiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni għal perjodu ta’ xahar biex kull min hu interessat, jikkontribwixxi fuq id-dokument li diġà tħejja.
Id-Direttur ta’ Eko-Għawdex, Joseph Cutajar, li qed imexxi ’l quddiem il-proġett, u l-Perit inkarigat Frank Muscat ħejjew preżentazzjoni għal dan ir-rigward.
Dan il-proġett se jkun qed jinqasam fuq erba’ stadji, bl-ewwel stadju se jkun ir-rikostruzzjoni tal-breakwater ta’ Santa Marija. Dan il-breakwater, li għandu t-tul ta’ mitejn metru, se jkun mibni mill-ġdid fl-istess post fejn kien hemm il-breakwater l-antik. B’hekk, dan il-breakwater se jkun qed jippreveni mill-maltemp li jkun ġej mill-Punent, mill-Majjistral, u mit-Tramuntana.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar spjega li d-disinn magħżul b’rabta ma’ dan il-proġett, li ġie evalwat u milqugħ mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, hu intiż li jilħaq żewġ kriterji importanti, jiġifieri d-difiża tal-bajja fil-maltemp u li jkollu l-inqas impatt viżiv possibbli.
Il-Ministru Camilleri tenna li l-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li jibdel lil Marsalforn f’xi jott marina jew xi attività marittima relatata u, dwar dan, hemm qbil anke mal-kunsill lokali rispettiv.