Il-ħidma sabiex jintfew in-nirien li ħakmu l-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn jaf tibqa’ għaddejja għal jiem li ġejjin. Tħabbar dan mill-Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ministru Jose Herrera f’konferenza tal-aħbarijiet li ttellgħet ftit tal-ħin ilu.
Iż-żewġ Ministri kkonfermaw kif ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u li tul din il-ħidma se jkun hemm bejn tmien u disa’ karozzi tat-tifi tan-nar fuq il-post sakemm sa fl-aħħar in-nar jintefa’ darba għal dejjem.
Ingħad kif in-nar beda mill-RDF – Reuse-derived fuel, post ta’ fejn jinħażen il-materjal li jkun diġà ġie rriċiklat qabel ma jintbgħat għall-esportazzjoni u li jidher li hi biss din is-sezzjoni li nħakmet minn nirien.
Waqt il-konferenza ntqal kif il-materjal li kien qed jittieħed f’din is-sezzjoni tal-impjant se jkun qed jittieħed il-Magħtab, dan sakemm in-nirien jintefa’ u kollox jerġa’ jmur lura għan-normal.
Herrera sostna li diġà nfetħet inkjesta Maġisterjali sabiex issib x’seta’ li kkawża n-nirien.
Ritratt: EFRU