“In-nisa fil-parlamenti madwar id-dinja għandhom sehem ewlieni biex jissewwew problemi u inġustizzji umani li jolqtu aktar lin-nisa, u dan għax jistgħu jifhmu aktar it-toqol tat-tiġrib u jilleġiżlaw għal soluzzjonijiet.” Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta lbieraħ indirizzat laqgħa tal-Women in Parliaments Global Forum (WIP) li saret bejn it-Tnejn u t-Tlieta fil-Palazz Verdala. Fil-laqgħa internazzjonali, li tqassmet tul jumejn taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, kienet diskussa t-tema dwar is-saħħa tan-nisa refuġjati.
Din kienet ukoll l-ewwel darba li Dr Justyne Caruana indirizzat dan il-forum mindu nħatret Ambaxxatur tal-Parlament Malti għal din l-għaqda dinjija tan-nisa parlamentari. Hija fissret kif fil-ħidma governattiva hemm dejjem l-element soċjali u uman li għandu jingħata importanza biex il-liġijiet li nagħmlu jkunu ta’ rimedju komprensiv għall-ħtiġijiet u l-ansjetajiet tas-soċjetà li qegħdin inservu.
Waqt li rreferiet għal fenomenu li qiegħed dejjem jispikka iktar tal-immigrazzjoni, Dr Caruana saħqet fuq dak li jgħaddu minnu nisa u ommijiet li jkunu mġiegħla jitturufnaw irwieħhom minn pajjiżhom bis-sogri kollha li dan iġib miegħu. Hija qalet li ħadd iktar min-nisa nfushom ma jista’ jifhem dawn l-isfidi u proprju għalhekk li n-nisa fil-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu minn ta’ quddiem biex jaraw li l-liġijiet jindirizzaw tassew l-isfidi umani u soċjali tal-immigrazzjoni. “Bħala nisa, bħala ommijiet u bħala parlamentari għandu jkollna fehma politika soda mibnija fuq l-esperjenza umana tagħna biex nirrisolvu u nilleġiżlaw favur ħajja iktar dinjituża lin-nisa kollha, huma fejn huma madwar id-dinja,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.
Fid-diskors tagħha biex tagħlaq il-konferenza tal-WIP, Dr Caruana fissret il-mixja politika u kostituzzjonali ta’ Malta biex il-pajjiż beda l-proċess lejn emanċipazzjoni sħiħa tal-mara fil-ħajja pubblika. “Malta u Għawdex ukoll ġarrbu l-ġrieħi soċjali meta, minħabba l-effetti ekonomiċi tal-kolonjaliżmu, eluf ta’ familji kellhom jirrikorru għall-emigrazzjoni biex ifittxu ħajja aħjar. Il-ħelsien jibqa’ dejjem valur suprem għal kull soċjetà imma huwa wkoll żerriegħa delikata li teħtieġ għożża u attenzjoni kontinwa,” stqarret Dr Justyne Caruana.
Hija appellat biex f’laqgħat importanti bħal dawn ilkoll flimkien naqsmu l-esperjenzi r-rimedji ta’ pajjiżi individwali biex insaħħu l-qafas leġiżlattiv b’miżuri soċjali, b’mod li dawn iwasslu għal aktar għarfien tal-problemi umani tan-nisa u tal-familji madwar dinja mifnija b’aktar konflitti.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana raddet ħajr lill-Women in Parliaments Global Forum li għażlu lil pajjiżna għal din il-laqgħa meta Malta tinsab fil-Presidenza tal-Kunsill tal-UE kif ukoll tal-organizzazzjoni tal-mexxejja tal-Commonwealth, fejn Maltaqiegħda tisħaq fuq l-inklużjoni soċjali.