Illum, il-31 ta’ Marzu 1979, magħruf aktar bħala Jum il-Ħelsien, hu jum li minkejja li għaddew 38 sena minn fuqu, bħala poplu, għadna nfakkru u niċċelebraw din il-kisba li ġabu missirijietna kull jum li jgħaddi.
Dan hekk kif hu mfakkar bħala kisba li biha l-gżejjer Maltin ħelsu mit-tmexxija tal-militari Brittanika. Ħolma u mira li kienet tal-Perit Duminku Mintoff.
Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, gżira mingħajr ebda riżors, 38 sena ilu emmnu li aħna bħala poplu stajna niddeċiedu l-ġejjieni tagħna u propju f’dak il-jum l-pajjiż ġab il-ħelsien soċjali.
Dan il-ħelsien fisser ħelsien mill-faqar u kif ukoll mill-mentalità kolonjali fejn permezz ta’ kisba li nkisbet mill-Partit Laburista, iddaħlu servizzi soċjali mingħajr preċedent li għadna ngawdu minnhom sal-lum il-ġurnata. Dawn jinkludu l-edukazzjoni, is-settur tas-saħħa fost bosta oħrajn.
Kienu snin ta’ ħidma biex issa l-moviment Laburista inbidel għal wieħed li jkun jista’ jgħin lill-pajjiż jinbidel għall-aħjar.
Erba’ snin ilu kienu diversi l-problemi li bħala Gvern Laburista affaċċja, kemm fejn tidħol l-immigrazzjoni, in-nuqqas ta’ impjieg, in-nuqqas ta’ nies jaħdmu, il-kontijiet tal-enerġija, in-nuqqas ta’ rappreżentanza ta’ nisa fil-postijiet tax-xogħol fost ħafna iktar. Iżda minkejja li kien hemm min qata’ qalb dan il-Gvern u prova jbeżża’, fosthom Gvern preċedenti, ir-riżultat tal-lum hu frott il-kisba ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu minn dan il-Gvern.
Mill-ogħola rata ta’ xogħol, aktar nisa qed joħorġu jaħdmu grazzi għal childcare b’xejn, id-dritt li kulħadd jista’ jħobb lil min irid, inqas faqar u propju lbieraħ tħabbret waħda mill-isbaħ aħbar, dik li Malta rreġistrat surplus ta’ €8.9 miljun għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin. Kisba li l-Prim Ministru ta’ Malta ddeskriviha bħala “Miraklu ekonomiku Malti” u li dan hu “r-riġal tagħna lil Malta ħielsa”
Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħelsien, ilbieraħ, l-Prim Ministru qara frazi li “għandha tispirana” li kiteb Duminku Mintoff f’artiklu f’The Daily Chronical fl-1938 fejn qal li “Malta hija fil-bżonn iddisprat ta’ nies b’ideat ġodda li fost deġenerazzjoni ta’ faxxiżmu jiġbru l-elementi progressivi u liberali u jibdlu s-sistema soċjali medjevali ta’ pajjiżna f’xi ħaġa li tkun l-għira ta’ pajjiżi oħra.” Il-Prim Ministru qal li dan kien kumment li nkiteb ħafna qabel ma Mintoff sar Prim Ministru, fi żmien meta ħadd ma kien jimmaġina li pajjiżna kien se jkun indipendenti u ħieles, aħseb u ara kemm pajjiżna kien se jkun l-għira tad-dinja.
Illum il-viżjoni hi li Malta tkun l-aqwa fost id-dinja, li toffri tama mhux biss lil uliedna iżda lil ulied ħaddieħor.