Il-Ħelsien irridu nġeddu u naħdmu għalih kuljum.
Dan kien is-sentiment ewlieni fil-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien.
Fil-messaġġ tiegħu, bl-isfond pittoresk tal-Port il-Kbir li minnu l-Maltin segwew l-aħħar bastimenti tal-ħakma kolonjali Brittanika jħallu pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li bħal-lum inħarsu lejn l-imgħoddi biex napprezzaw minn fejn ġejjin.
Tenna li fis-snin sebgħin, pajjiżna qiegħed f’posthom il-pedamenti li fuqhom bdiet tistrieħ l-ekonomija ta’ pajjiż modern.
Madankollu din il-viżjoni ta’ Malta ħielsa, ħadet iż-żmien.
Qal, “ Kienet viżjoni li ħadet iż-żmien. Il-Perit Mintoff kien diġà kiteb dwarha f’Jannar tal-elf disa’ mija disgħa u ħamsin, għoxrin sena qabel. Tul dik il-mixja, Mintoff, u l-Partit Laburista, affaċċjaw il-maltemp ta’ kull min ma xtaqx jerħi l-poter minn idejh. Iżda, ta’ qabilna ma qatgħux qalbhom. Bis-saħħa t’hekk, illum qed ngħixu dik il-ħolma.”
Il-Prim Ministru qal li dmirna llum huwa li naħdmu biex inżommu din il-ħolma ħajja.
Fakkar xi jfisser il-Ħelsien għall-Partit Laburista. Fost l-oħrajn, it-tnaqqis fil-faqar u l-ħarsien tal-għajxien tal-poplu.
Spjega, “ F’mument fejn qed naffaċċjaw pandemija tajna kemm nistgħu biex nissalvagwardjaw ix-xogħol, is-saħħa u l-edukazzjoni. Il-bażi biex ma jerġax ikollna l-istess fenomenu ta’ qabel il-poplu fdana fit-tmexxija, tmien snin ilu. Investejna l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro biex salvajna mitt elf impjieg. Fl-istess ħin ma nieqfux naħsbu fuq min jista’ jaffaċċja mumenti diffiċli.”
Il-Prim Ministru qal kif dan il-jum ifisser ukoll il-ħelsien mill-preġudizzji u dan jidher biċ-ċar fil-ħidma ta’ Gvern u l-Partit Laburista bl-introduzzjoni ta’ liġijiet u drittijiet ċivili ġodda.
Hawnhekk il-Prim Ministru tenna li l-ġustizzja soċjali u l-libertà għal dan il-Gvern huma prinċipji sagrosanti u b’hekk se jidħlu iktar riformi biex ikun miġġieled il-preġudizzju.
Qal, “Fuq kollox il-ħelsien huwa s-serħan il-moħħ ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu f’indipendenza u imparzjalità sħiħa. Xi ħaġa li mhux biss nemmnuha jew li nitkellmu dwarha. Iżda, li għamilna riformi kbar biex titwettaq.”
Il-Prim Ministru esprima d-dispjaċir tiegħu li Jum il-Ħelsien ma setax jiġi ċċelebrat kif xieraq minħabba l-pandemija, imma tenna li jinsab konvint li din l-imxija se neħsilu minnha u Malta se tkun lesta bl-ideat u l-pjanijiet biex inkomplu mexjin ’il quddiem.
Qal, “Iva, huwa ż-żmien li niddibattu l-ideat dwar fejn irridu mmorru. Aħna l-aqwa arma li għandna huma l-ideat! Il-ħsieb dwar xi rridu għal għada u l-ġenerazzjonijiet futuri. Imma dan irridu nagħmluh b’rispett, u f’sens ta’ għaqda. Fejn il-kisba aħħarija ma tkunx il-poter, iżda kwalità ta’ għajxien aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għax hekk ngħixu l-Ħelsien kuljum. Għax hekk nagħtu ġieh lil dawk li ġew qabilna. Il-festa t-tajba.”