Il-linja ta’ appoġġ għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali laqgħet aktar minn 400 telefonata fl-ewwel tliet ġimgħat kemm ilha bdiet taħdem.
Dan tħabbar fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.
“F’dawn l-ewwel tliet ġimgħat minn mindu fetaħ is-servizz tal-helpline 1579 kien hemm madwar erba’ mija u erbgħin telefonata. Erbgħa mija u ħamsin persuna bi problemi ta’ saħħa mentali illi sabu l-għajnuna, sabu wens, sabu l-pariri, sabu l-interventi minn dan il-helpline ġdid illi aħna daħħalna fil-qasam tas-saħħa mentali.”
Id-Deputat Prim Ministru qal li madwar għaxar każijiet minn dawn it-telefonati rrikjedew interventi fl-immedjat u potenzjalment ġie evitat suwiċidju.
Din il-linja ta’ apoġġ hija miftuħa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, u tinvolvi diversi professjonisti. Dan is-servizz mistenni li jkun integrat mas-servizzi l-oħra tas-saħħa mentali f’pajjiżna.
Chris Fearne għamel referenza wkoll għal xogħol ieħor li qed isir rigward is-saħħa mentali f’pajjiżna, fosthom fl-Isptar Monte Carmeli.