Fi tmiem żjara li matulha ltaqa’ mal-pubbliku u ma’ tal-ħwienet fil-Belt, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-mod ġdid kif se jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja.Dan għall-kuntrarju tal-proposta li għamlet l-Oppożizzjoni għax ir-rapport qatt ma jsemmi li l-ħatra trid issir biż-żewġ terzi.
Il-Prim Minsitru Robert Abela stqarr: “Il-proposta tal-oppożizzjoni żgur ma hix konformi mal-Kummissjoni Venezja għax qatt ma jsemmi l-kwisjtoni tad-due terzi kif qed titlob l-oppożizzjoni jigifieri li l-Oppożizzjoni qed toħroġ b’din il-proposta li għandu jkun hemm iż-żewġ terzi tal-Parlament fil-ħatra tal-Kummissarju ma tgħidx hekk – Dan minbarra l-fatt li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista ħalliet barra l-kwistjoni tal-kompetizzjoni pubblika, fil-verità tħalli l-politiċi jaħtru l-Kummissarju.”
Il-Prim Ministru tenna li l-metodu l-ġdid tal-ħatra tal-kummissarju hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venenzja. Huwa sostna: “Jien nifhem li hi konformi mal-Venice Commission għaliex meta ħriġna bil-proposta rajna sew dak li qed tgħid il-Kummissjoni Venezja u trid tħares lejn il-prinċipji, il-Kummissjoni għamlet il-prinċipju tal-Public Call u dak irrispettajnieh, li jkun hemm adjudicating body u dak irrispetajnieh ukoll, imbagħad il-Venice Commission qalet li l-Prim Ministru jista’ jkollu l-Veto, jiġifieri jista’ jimblokka u ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-evaluating comitee.”
Il-Prim Ministru qal li minkejja li l-Kummissjoni Venezja tatu l-veto li jirrifjuta l-għażla jekk ma jkunx jaqbel magħha, huwa se jimxi mar-rakkomandazzjoni li ssir mill-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliku.
Huwa żied jgħid li ser jara u jaċċerta li l-Kummissarju l-ġdid jitħalla jagħmel xogħlu b’mod awtonomu u mingħajr indħil tal-ebda politiku.
Il-Prim Ministru tenna: “Jien nemmen u verament konvint fuqha din il-punt, ħriġna b’mudell illi tgħidli huwa perfett, naħseb xejn mhu perfett fid-dinja imma tant hu aħjar mill-meotdu ta’ qabel illi kien ilu jintuża f’pajjiżna għal għexieren ta’ snin huwa tajjeb ħafna, jien tal-fehma li huwa in line mal-Kummissjoni Venezja, ejja nikkoperaw flimkien ħalli fl-aħħar ta’ dan il-proċess toħroġ persuna, l-isem, u għamilt wegħda li ser ikun qed joħroġ persuna li żgur ma jkun pupazz tal-Gvern, li jitħalla jagħmel xogħlu, li jitħalla jagħmel xogħlu b’mod awtonomu, b’mod indipendenti u mingħajr indħil tal-politiċi.”
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-indiċi ta’ ‘The Economist’ fuq id-demokrazija f’Malta, il-Prim Ministru saħaq li l-mira tiegħu hi, li permezz ta’ diversi riformi li diġà bdew jittieħdu, Malta jerġa’ jkollha demokrazija sħiħa.
Il-Prim Ministru temm jgħid: “Inkomplu nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn, bdejna mal-ewwel, l-ewwel prijorita fil-Gvern tiegħi kienu l-bidliet istituzzjonali li hemm bżonn, riformi fil-qasam tas-saltna tad-dritt li beħsibna nibqgħu għaddejjin bihom, riformi fil-mod kif tinħatar il-ġudikatura u riformi oħra bħal dik tal-Kummissarju tal-Pulizija li hi b’saħħitha ħafna u nkomplu nibnu fuqha.”
Ritratt: Gareth Degiorgio