Il-ħatra ta’ Kumitat għall-Governanza fi ħdan il-Kabinett intlaqgħet b’mod tajjeb.
L-opinjonista, Desmond Zammit Marmarà saħaq li dan il-kumitat għandu funzjoni importanti li jżomm rendikont tal-miżuri li diġà twettqu u dawk li għad iridu jitwettqu, bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO.
Għalhekk saħaq li d-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Robert Abela tibgħat messaġġ b’saħħtu.
Zammit Marmarà spjega: “Il-fatt li ħoloq dan il-kumitat ġdid dwar il-governanza propju fi ħdan il-Kabinett stess ukoll jagħti l-messaġġ li qed jieħu b’serjetà kbira t-taqtigħa kontra l-korruzzjoni u anki li jkun hemm governanza tajba.”
Filwaqt li Desmond Zammit Marmarà saħaq li l-ewwel deċiżjonijiet li ħa Dr Abela juru ħidma favur it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, ħidmet il-Gvern anki qed tiffoka dwar l-infurzar tal-liġi u favur it-twettiq tal-ġustizzja ma’ kulħadd.
Huwa sostna: “Dr Abela naħseb ta messaġġ qawwi ħafna meta qal li ħa jesiġi fuq l-infurzar tal-liġijiet, jekk noqgħodu nixtarru l-ftit diskors li għadu kif għamel sa issa naraw li dejjem semma d-dixxiplina.”
L-opinjonista li jixtarr u jitħaddet kif iħossha qal ukoll li l-għażla tal-Kabinett ta’ Dr Abela hija waħda bilanċjata bejn l-esperjenza, l-enerġija u l-entużjażmu.
Zammit Marmarà qal li deċiżjoni għaqlija li ħa l-Prim Ministru kienet anki dwar l-ambjent. Hu qal: “Anki kif għaqqad id-dekasteri wkoll, nagħti eżempju, pereżempju meta għaqqad l-ambjent mal-ippjanar, hemm hekk ta messaġġ pożittiv, għaliex? Għax fl-aħħar ġimgħat ġieli kien hemm u anki fl-aħħar snin ġieli kien hemm kritika li forsi l-industrija tal-kostruzzjoni ġieli qed teqred l-ambjent. Allura meta huwa għaqqad l-ippjanar mal-ambjent, qed jagħti messaġġ li minn issa ‘l quddiem l-ippjanar dejjem irid jagħti każ tal-ambjent.”
Intant il-Kumitat għall-Governanza fi ħdan l-eżekuttiv tal-pajjiż se jirrapporta lura lill-Kabinett mill-iktar fis possibbli biex jibda jitwettaq il-programm meħtieġ.
“Waħda mill-prioritajiet ewlenin se tkun l-emendi għall-ħatriet fil-Ġudikatura”, saħaq il-Gvern.