Ninsabu fil-Ġimgħa Mqaddsa, li fiha nfakkru l-fidwa tagħna l-bnedmin permezz tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu. Fl-ikla tal-Għid, tradizzjonalment il-platt ewlieni jkun il-ħaruf. Imma xi jfisser il-ħaruf f’dawn il-ġranet?
Il-ħaruf jissimbolizza s-sagrifiċċju kif ukoll il-ħelsien. Minn dan il-lat, il-ħaruf jirrappreżenta lil Kristu li, fit-tagħlim Nisrani, permezz tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu, il-bniedem inħeles mid-dnub.
Tkellimna mal-Arcisqof Emeritu ta’ Tirana, Ġorġ Frendo, li spegalna t-tifsira tal-ħaruf f’dawn il-ġranet, b’rabta mar-referenzi li jsiru għalih fil-Kotba Mqaddsa.
Qal, “Il-ħaruf jissemma ħafna fl-Iskrittura Mqaddsa bħal, pereżempju, fil-Ktieb tad-Dewtronomju, kien għalihom simbolu ta’ innoċenza u anke bħala annimal ġwejjed. Fil-fatt, għalhekk għall-festa tal-Għid tal-Lhud kienu ordnati li jieħdu ħaruf – ħaruf ta’ sena – u bid-demm tiegħu jidilku l-ħitan, il-koxox tal-bibien tagħhom, biex meta jkun għaddej l-anġlu, li kien qiegħed jikkastiga lill-Eġizzjani u joqtol l-iben il-kbir, allura jħalli dawk id-djar mingħajr ma’ jidħol ġewwa, mingħajr ma’ joqtol. Imma mbagħad jissemma ukoll ħafna f’Isaija, il-ħaruf meħud għall-qatla, hekk, dan il-qaddej li jsofri, figura ta’ Ġesù Kristu”
L-Arċisqof Emeritu Frendo rrefera wkoll għar-raġuni għaliex, fit-Testment il-Ġdid, Ġesù hu ppreżentat bħala l-Ħaruf t’Alla.
Stqarr, “Fit-Testment il-Ġdid, Ġesù huwa msemmi l-Ħaruf t’Alla. Hekk qallu Ġwanni l-Battista: indika lil Ġesù. Qal, ‘Hemm hu l-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja’. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann naraw illi Ġesù huwa ppreżentat bħala l-Ħaruf tal-Għid il-Ġdid. Fil-fatt, ġie maqtul proprju fil-mument meta fid-djar tal-Lhud kienu qed joqtlu l-ħaruf biex jagħmlu l-festa l-għada. Il-festa tal-Għid saret, skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-għada tal-mewt ta’ Kristu, u għalhekk Kristu msallab huwa l-ħaruf issagrifikat għalina.”