Il-ħaruf, l-ikel tradizzjonali għall-żmien l-għid. Tradizzjoni li ġġib is-snin u minkejja li ż-żminijiet inbidlu, il-ħaruf jibqa’ fost l-aktar platt favorit għall-Ikla tal-Għid mal-Maltin.
Żorna ħanut tal-laħam tradizzjonali Malti f’Birżebbuġa u tkellimna ma’ Anthony Camilleri, biċċier magħruf bħala Ninu s-Sjettu, u li huwa t-tielet ġenerazzjoni ta’ biċċiera fil-familja tieghu.
Huwa spjegalna għalfejn lura fiż-żmien, il-Maltin kienu jagħżlu l-ħaruf għall-Għid. Ninu qalilna li l-ħaruf Malti kien ikun disponibbli fix-xhur ta’ April u Ottubru biss. U għalhekk, il-familji Maltin kien ikollhom il-ħaruf Malti frisk lest għall-ikla tal-Għid.
Spjega kif nhar il-Ġimgħa l-Kbira, hu flimkien ma’ ommu u missieru kienu jlestu l-ħrief biex ibiegħuhom f’Sibt il-Għid.
Spjega kif “Kien ikolna ordnijiet kbar għall-ħaruf, illum iż-żmien inbidel. Illum il-ħaruf meta ngħidu ħaruf tradizzjonali Malti, l-Inġliżi jgħidulu baby lamb, aħna ngħidulu xorta ħaruf, illum ma għadux imfittex bħal qabel”
Matul is-snin it-tradizzjoni tal-ikla tal-Għid inbidlet, iżda minkejja li ħafna saru jipreferixxu l-majjal Malti mimli jew koxxa tal-ħaruf mimlija, l-ewwel preferenza xorta tibqa’ t-tradizzjoni.
Camilleri qal li “Il-maġġoranza ħaruf, din is-sena nista’ ngħid li kienet rekord għax wieħed mill-aktar sena li biħħejna ħaruf, minkejja li huwa ta’ barra u mhux ta’ Malta. Imma xorta jibqa’ l-klema ħaruf u l-ħaruf għandu tomgħa partikolari”
Ninu spjegalna kif il-ħaruf jagħti palatt differenti minn dak taċ-ċanga u t-tiġieġ għaliex bħala annimal huwa ta’ għamla żgħira u kemxejn xaħmi.
Il-biċċier ta’ tnejn u sebgħin sena qalilna li l-preprarazzjoni għall-ikla tajba tal-Għid għandha tibda mingħand il-ħanut tal-laħam tradizzjonali Maltin, ħwienet immexxija min-nies tas-sengħa li jkunu wirtu mingħand tal-familja, għaliex għandhom il-ħila jagħtu l-aħjar prodott lill-konsumaturi tagħhom.
Huwa fissrilna wkoll li s-sengħa tal-laħam hija sengħa antika u sinjura fil-kapaċità u l-ħila.