Esperjenza memorabbli oħra għall-Ħamruniżi hekk kif plejers mill-iskwadra rebbieħa tal-Kampjonat żaru numru ta’ partitarji li huma residenti fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin. Permezz ta’ din iż-żjara, Ħamrun Ħanin, l-organizzazzjoni volontarja li tieħu ħsieb l-aspett soċjali taċ-Champions tal-futbol lokali riedet tiżgura li xxerred il-ferħ ta’ dan id-disa’ titlu verament ma’ kulħadd, anke ma’ dawk il-persuni li għal raġunijiet differenti bħalissa jinsabu residenti f’din il-faċilità.
Tnejn mill-plejers Ħamruniżi, Ognjen Bjeličić u Roko Prsa, iltaqgħu ma’ numru ta’ residenti hemmhekk u qasmu flimkien esperjenzi marbuta ma’ dan il-klabb. Kienu preżenti wkoll David Camilleri u Gilbert Camilleri, Team Manager u Kit Manager tal-klabb. Il-plejers kif ukoll l-uffiċjali ta’ Ħamrun Ħanin intlaqgħu mid-Direttur tal-faċilità Christopher Siegersma u minn Manolito Micallef, li jikkordina l-attivitajiet sportivi fil-faċilita.
Iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin Ian Debattista spjega kif l-iskop ta’ Ħamrun Ħanin hu li tara li verament kulħadd iduq il-ferħ li jġib miegħu l-futbol, aktar u aktar meta t-tim favorit jiċċelebra rebħ ta’ titlu. “Għalhekk ħassejna li għandna nagħmlu żjara speċjali fost dawn ir-residenti li baqgħu jsostnu l-iskwadra favorita tagħhom minkejja ċ-ċirkostanzi mhux daqstant faċli u nemmen li din iż-żjara se timlihom b’kuraġġ u determinazzjoni biex jaħdmu ħalli jerġgħu lura fost il-komunita’ malli dan ikun possibbli”, żied jgħid.