Il-vara ta’ San Gejtanu tal-Knisja Parrokkjali tal-Ħamrun se tittella’ Ruma u l-Vatikan s-sena d-dieħla.
Dan se jseħħ fl-okkażjoni tal-500 anniversarju minn mindu twaqqfet il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regulari, fl-14 ta’ Settembru. Dawn ir-reliġjużi huma magħrufa bħala l-patrijiet Teatini, u wieħed mil-fundaturi tagħhom kien proprju San Gejtanu, li dak iż-żmien huwa kien magħruf bħala Gaetano dei Conti di Thiene.
Il-vara hija tal-artist Carlo Darmanin u tlestiet fl-1885 u kienet swiet għoxrin lira sterlina.
L-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, spjegalna kif kollox beda minn kuntatt li għamel miegħu l-Ġeneral tal-Patrijiet Teatini.
“Beda jurini pjan tal-ħidma li se jagħmlu t-Teatini fil-ħames mitt anniversarju mill-fondazzjoni tagħhom, wieħed mill-fundaturi kien San Gejtanu.”
Huwa kompla jgħid li l-Ġeneral tal-Patrijiet Teatini qallu li ċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea De La Valle. Minn hemmekk, il-vara se titieħed proċessjonalment sa Pjazza San Pietru fil-Vatikan.
L-Ambaxxatur Zammit għamel kuntatt mal-Arċisqof, li ddereġih għal parir mill-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu, Dun Walter Cauchi.
Dun Walter Cauchi qalilna kif din l-aħbar intlaqgħet pożittivament mill-Ħamruniżi għax il-vara tant maħbuba ta’ San Gejtanu se tingħata pjattaforma unika li fiha se jintwerew l-arti u d-dedikazzjoni tal-Maltin.
“Kienet sorpriża kbira u n-nies ħadu ħafna pjaċir, u naħseb illi anke l-poplu Malti għandu jifraħ b’din l-okkażjoni. Forsi din hija l-ewwel statwa li se tasal Ruma hekk. Jista’ jkun forsi ’l quddiem ikun hemm xi opportunità ta’ xi statwa oħra, qaddis jew qaddisa ”
Intant, waqt iż-żjara li għamel f’Malta din il-ġimgħa, is-Segretarju tal-Istat tas-Sante Sede, il-Kardinal Pietro Parolin, sab ħin biex iżur il-Knisja Arċipretali tal-Ħamrun u l-vara ta’ San Gejtanu. Huwa għamel dan wara suġġeriment tal-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.
Il-Kardinal Parolin kellu kliem ta’ tifħir għal din l-opportunità unika biex il-vara tittella’ Ruma u sostna l-importanza li l-fidili jimxu wara l-kelma ta’ Ġesu kif għamel San Gejtanu.
“I am very happy and I applaud this initiative. I think it is very timely and very opportune”