Playcon, l-expo dwar il-videogames u l-esports, se tiftaħ uffiċjalment għada fil-Malta Fairs & Conventions Centre, l-MFCC, f’Ta’ Qali. Din hi t-tielet edizzjoni li din l-expo qed tittella’ u din is-sena se tkun akbar minn qatt qabel.
Waqt li llum żar l-aħħar tħejjijiet, il-Ministru responsabbli Silvio Schembri, qal li Playcon hi prova ċara li l-industriji tal-video game development u esports huma realtà f’pajjiżna u qegħdin ikomplu jikbru.
Il-Ministru qal li, f’erba’ snin biss, mindu tnediet l-istrateġija dwar video games u esports, pajjiżna qed jirnexxielu jattira fost l-akbar ismijiet fis-settur.
Sadanittant, għada u l-Ġimgħa, Playcon se tkun miftuħa għall-istudenti bis-sehem ta’ madwar 320 skola differenti li se jżuruha, waqt li s-Sibt u l-Ħadd, tiftaħ għall-pubbliku inġenerali bejn l-10.30 ta’ filgħodu u s-6.30 ta’ filgħaxija.
Id-dħul hu bla ħlas.