Il-Ħamis parti oħra mill-elettorat se tkun qed tixħet il-vot tagħha fl-elezzjoni ġenerali. Dan hekk kif ser issir il-votazzjoni fl-Isptar Mater Dei, Karin Grech, Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li f’dan il-jum se jkunu qed jivvutaw dawk li sa nhar it-Tnejn li għadda sas-sitta ta’ filgħaxija kienu rikoverati f’xi wieħed minn dawn l-isptarijiet.
Gatt tenna, “Importanti l-qraba tagħhom jekk għandhom id-dokument tal-vot tagħhom jgħadduhulhom sabiex ikunu jistgħu jivvutaw ġewwa l-istess sptar fejn qegdħin.”
Gatt qal kif dawk li nħarġu mill-isptar wara nhar it-Tnejn xorta waħda jridu jmorru jivvutaw fl-Isptar li kienu rikoverati fih.
Intant huwa spjega li kull min hu pożittiv għal COVID-19 jew fi kwarantina mandatorja sal-Ġimgħa li ġej sad-disgħa ta’ filgħaxija. Il-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tinnotifikah biex imur jivvota f’wieħed mis-sitt ċentri li ntramaw apposta.
Louis Gatt qal, “Ovvjament se tkun qed tgħaddi l-informazzjoni, ħa tkun qed tibgħat jew email jew ittra, imma peress li m’hemmx ħafna ħin il-Kummissjoni se tagħmel kommunikazzjoni mmedjata biex imorru jivvutaw f’wieħed minn dawn iċ-ċentri.”
Fiċ-Ċentru ta’ Smart City se jkunu qed jivvutaw dawk tat-tieni u r-raba’ distrett.
Fiċ-Ċentru tal-MCAST f’Raħal Ġdid se jivvutaw dawk tal-ewwel u s-sitt distrett.
Fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far se jivvutaw dawk tat-tielet u l-ħames distrett.
Fiċ-Ċentru ta’ Ta’ Qali se jivvutaw tas-seba’ u l-ħdax-il distrett.
Fiċ-Ċentru ta’ Pembroke se jivvutaw dawk tal-għaxar u t-tnax-il distrett.
Fiċ-Ċentru tal-Life Sciences Park f’San Ġwann se jivvutaw dawk tat-tmien u d-disa’ distrett
Filwaqt li fiċ-Ċentru tax-Xewkija se jivvutaw dawk tat-tlettax-il distrett.
Intant, il-Ħamis hu l-aħħar jum li wieħed jista’ jmur jiġbor id-dokument tal-vot.
Stqarr, “Il-ħinijiet huma bejn it-8am u s-1pm u bejn it-3pm u nofsilejl. Hija l-aħħar ġurnata u nħeġġeġ lil dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument sabiex jagħmlu dan mill-aktar fiss mill-uffiċċini tal-Kummisjoni Elettorali fin-Naxxar u minn Pjazza San Franġisk f’Għawdex”.
Louis Gatt appella biex wieħed jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista
Hawn appella, “Napella l-elettorat sabiex jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista kollha. Sintendi bil-preferenzi ta’ dak li jkun, imma lill-kandidati kollha biex ma jintilef l-ebda vot tal-wirt u l-partit jikseb l-aħjar riżultat ta’ siġġijiet possibbli.”
Gatt appella biex kull minn għandu bżonn xi għajnuna jew trasport nhar l-elezzjoni, wieħed għandu jikkuntattjata l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.