IL-LOGĦBA TA’ SIMON BUSUTTIL BIS-SUPPOST DOKUMENTI LI SUPPOST JIPPRUVAW TA’ MIN HI EGRANT SPIĊĊAT HEKK KIF QED JIĠI PPRUVAT LI DAWN ID-DOKUMENTI HUMA FOLOZ U FFABBRIKATI. DAN JOĦROĠ MINN ANALIŻI SEMPLIĊI TA’ DAK LI DAPHNE CARUANA GALIZIA QALET LI HU KOPJA MIKTUBA (TRANSCRIPT) TA’ DAK LI HEMM FUQ SUPPOST DOKUMENT MAGĦRUF BĦALA DECLARATION OF TRUST.
L-EWWEL PROVA – TRANSCRIPT MHUX DOKUMENT ORIĠINALI
Fil-fatt l-ewwel sinjal li d-dokument huwa falz joħroġ mill-fatt li dak żvelat mhuwiex dokument uffiċjali, imma biss transcript ta’ dan is-suppost declaration of trust.
Kieku Caruana Galizia u Busuttil kellhom dan id-dokument, illi li kieku veru jeżisti kien ikun ittimbrat b’mod uffiċjali, kienu jippubblikaw lilu mill-ewwel.
IT-TIENI PROVA – EGRANT INBIEGĦET FL-2013, MHUX FL-2015
L-ishma ta’ Egrant għaddew għand Brian Tonna fl-2013. Ma jista’ jkun qatt li min għadda l-ishma tal-kumpanija lil Tonna, sentejn wara reġa’ għadda l-ishma tal-kumpanija lil xi ħadd ieħor, f’dan il-każ, lill-mart il-Prim Ministru Michelle Muscat.
Esperti sostnew li jekk xejn, kien ikun Tonna li għamel din id-declaration of trust lil xi ħadd ieħor.
B’mod sempliċi, min biegħ xi ħaġa u telaqha minn idejh, ma jistax jerġa’ jbigħha lil ħaddieħor.
IT-TIELET PROVA – INDIRIZZ TA’ MALTA… MHUX TAL-PANAMA
Is-suppost dokument li Caruana Galizia u Busuttil jirreferu għalih bħala declaration of trust iġib l-indirizz ta’ Malta, mhux tal-Panama. L-iskuża hi li Nexia BT għandhom l-uffiċini f’dak l-indirizz.
L-esperti li tkellimna magħhom spjegawlna illi li kieku s-suppost dokument li kkupjaw minn fuqu kien wieħed awtentiku, l-indirizz kien ikun fil-Panama għax il-kumpanija Egrant hija inkorporata u reġistrata fil-Panama.
Dan is-suppost dokument li qed jissemma, għandu jġib l-indirizz oriġinali ta’ fejn il-kumpanija kienet reġistrata oriġinarjament.
Allura jekk din hija kumpanija inkorporata u reġistrata “fil-Panama”, kif jista’ jkun li qed iġġib indirizz ta’ Malta?
IR-RABA’ FATT – L-EBDA FIRMA
Ġie nnutat ukoll li fis-suppost dokumenti ma hemm l-ebda firma. Anzi Caruana Galizia tgħid ċar u tond li ma teżisti l-ebda firma ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat li qed jintqal li Egrant hija tagħha.
Din minnha nfisha hija prova mill-aktar ċara li ma jeżistux dokumenti awtentiċi.
IL-ĦAMES FATT – MA JEŻISTIX SAFE FIL-KĊINA TAL-BANK PILATUS
Forsi l-iktar fatt sempliċi li jista’ jiġi vverifikat huwa dak li Caruana Galizia tgħid fit-titlu, jiġifieri li dawn is-suppost dokumenti tneħħew mis-safe li jinsab fil-kċina ta’ Pilatus Bank.
Fil-fatt, l-editur tal-Maltatoday Saviour Balzan qal fi tweet li fil-kċina tal-bank ma hemmx u lanqas qatt kien hemm safe, aħseb u ara kemm seta’ kien hemm dokumenti ġo dan is-safe immaġinarju.
Issa qed jingħad li dan is-safe seta’ tneħħa. Persuni midħla ta’ banek qalulna li dan is-safe ma jkunx wieħed li taqbdu u ġġorru minn post għall-ieħor kif ġieb u laħaq. Safe ta’ bank ikun struttura kbira li tidħol persuna fih u huwa tqil ħafna b’mod li bniedem waħdu ma jċaqilqux.
Iktar tard intqal ukoll li d-dokumenti mis-safe tneħħew f’Marzu ta’ sena ilu. Dan wara jumejn sħaħ jallegaw li dawn is-suppost dokumenti tneħħew nhar il-Ħamis li għadda.