Għall-ħames sena konsekuttiva, il-Fondazzjoni OASI se torganizza l-avveniment annwali sportiv bl-isem ta’ OASI Cup Run. Dan l-avveniment ser isir nhar il-Ħadd, 7 ta’ Ottubru 2018, u ser issir mad-dawra tat-toroq tar-Rabat, Għawdex.
Waqt l-intervent tagħha, il-Ministru Justyne Caruana rringrazzjat lill-Fondazzjoni OASI għax-xogħol siewi li qed tagħmel sabiex tiġġieled pjaga soċjali li qed tħalli impatt negattiv fuq is-soċjetà inġenerali u ma tħarisx lejn etajiet. Il-Ministru Caruana qalet kif il-pjaga tad-droga u l-konsum eċċessiv tal-alkoħol ma jiddistingwux bejn il-klassi soċjali u anqas bejn l-età, u li dawn il-pjagi huma reali fis-soċjetà mgħaġġla li qed ngħixu. Il-Ministru għal Għawdex irrikonoxxiet ir-relevanza tal-Fondazzjoni OASI u kemm hu importanti li din l-entità tesiġi fuq il-prevenzjoni aktar milli l-kura u li tilħaq firxa usa’ ta’ nies u twassal aktar il-messaġġ tagħha.
Il-Ministru Caruana għalqet l-indirizz tagħha billi rrimarkat fuq l-importanza tal-messaġġ li l-Fondazzjoni OASI għandha twassal – kemm b’avvenimenti edukattivi u sportivi – u dan m’hux biss biex tqajjem kuxjenza imma anke biex il-preżenza tal-fondazzjoni tinħass fi ħdan is-soċjetà.
Il-Ministru Caruana wegħdet is-sostenna kollu tagħha biex il-missjoni tal-Fondazzjoni OASI tkompli tkun suċċess.
Noel Xerri, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni OASI, irringrazja lill-Ministeru għal Għawdex tas-sostenn li l-fondazzjoni ssib kull meta titlob għall-għajnuna mill-ministeru. Huwa qal li l-għan ta’ din l-attività hu l jiġi promoss ambjent san u sportiv mingħajr teħid ta’ sustanzi illegali. Xerri għalaq billi stieden lill-pubbliku biex jipparteċipa f’din il-ġirja jew mixja biex jitwassal messaġġ aktar b’saħħtu.
Ritratti: MGOZ