Reġa’ wasal il-Malta International Organ Festival, li din is-sena ser ikun qed jiċċelebra l-5 edizzjoni tiegħu. Festival b’ 19 –il kunċert fl-isbaħ Katidrali, Bażiliċi u Knejjes li għandna f’Malta u Għawdex u wkoll masterclass u workshop għall-mużiċisti żgħażagħ.
Din is-sena l-festival ser ikun qed jittella’ mill-15 ta’ Novembru sas-7 ta’ Diċembru, b’7 kunċerti fil-Belt Valletta, 3 Għawdex u l-oħrajn fil-Gudja, Tarxien, Paceville, Safi, Għaxaq, Balzan, Balluta, l-Isla u fl-Imdina.
Mużika mir-re tal-instrumenti; hekk isejħulu bosta esperti tal-mużika klassika. Dan l-istrument, il-kompożituri mal- medda taż-żmien użawh f’diversi forom bħala solist, biex jakkumpanja u wkoll biex ikun parti minn ensemble. U f’dan il-festival ser nisimgħuh f’dawn il-forom kollha, peress li hemm kunċerti għall-orgni solo, u orgni ma’ strumenti bħal tromba, oboe, vjolin, flute, cello, kitarra, vuċi u orkestra.
Il-festival ser iġib lejn Malta wħud mill-aqwa mużicisti mid-dinja klassika. Fl-ewwel kunċert ser ikollna l-opportunità nisimgħu l-kunċert kapulavur tal-kompożitur Franċiż Francis Poulenc, il-Kunċert in Sol Minore għall-Orgni, Korda u Timpani taħt id-direzzjoni tas-surmast Russu Dmitri Banaev flimkien mal-orkestra u l-organist Sergio Orabona fil-knisja ta’ San Frangisk t’Assisi l-Belt Valletta. F’dan il-kunċert ser jiġi esegwit għall-ewwel darba xogħol li kkummissjona l-festival għal-5 sena tiegħu, xogħol tal-kompożitur Malta Karl Fiorini għall-baritonu, orgni, korda u perkussjoni fuq poeżija Franċiża ta’ Sophie Charpentier.
Mill-MET Opera ta’ New York ġejja s-soprano Olga Makarina biex tesegwixxi l-iStabat Mater ta’ Pergolesi flimkien mal-Mezzo Soprano mill-Mariinsky Dina El, taħt id direzzjoni tas-surmast Taljan Simone Valeri. Dan il-kunċert ser isir fil-knisja ta’ Santa Marija Maddalena fil-Belt Valletta nhar il-Ħamis 22 ta’Novembru. Kunċert ieħor ser isir fil-knisja ta’ Santa Barbara fit-2 ta Diċembru fit-15.30 ta’ wara nofs inhar li ser jitratta t-tema tal-Milied. Fil-Knisja ta San Bert f’Hal Tarxien ser isir kunċert fis- 27 ta’ Novembru għall-orgni u kitarra filwaqt li fil-Parrocċċa tal-Gudja ser isir kunċert għall-orgni, flute u cello ta’ kompożituri Taljani.
Il-festival jispiċċa bil-kbir nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru fil-parroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Kunċert ta’ mużika Barokka fejn ser nisimghu lil VIBE taħt id-direzzjoni tas-surmast u organista Taljan Stefano Molardi tesegwixxi sonati ta Handel, u arji ta’Bach flimkien mal-baritonu Joseph Lia. Il-kunċert jispiċċa bil-Kantata tal-Milied ta’ Telemann.
Fil-Bażilika tal-Isla ser jiġi inawgurat ir-restawr li sar minn Robert Buhagiar tal-orgni b’kunċert minn Christian Schmitt, u fil-Katidral tal-Imdina ser isir kunċert fuq l-orgni tat-18-il seklu mill-organista Olandiza Petra Veenswijk.
Għal aktar tagħrif u l-programm sħiħ żuru s-sit http://www.MaltaInternationalOrganFestival.com.